Lokali

Kalendarju b’risq l-Istrina magħmul minn 11-il persuna li jiġġieldu marda. Fit-12-il ritratt jista’ jkun hemm int!

11-il persuna li għelbu l-marda li kellhom u issa fiequ jew li għadhom qed jiġġieldu xi marda se jingħaqdu flimkien f’kampanja “Yes, I am alive” bl-għan prinċipali li jixxerred messaġġ ta’ kuraġġ għal dawk li għadhom qegħdin jiġġieldu xi marda jew xi sitrwazzjoni oħra fil-ħajja.

Dawn il-11-il persuna se jkunu qed jieħdu ritratt kull wieħed u kull ritratt se jirrapreżenta xahar partikolari biex umbad isir kalendarju ta’ sena, li se jinbigħ biex jinġabru flus għall-Istrina 2016. Forst dawn il-11-il persuna se jkun hemm Charlene Mercieca, it-tfajla ta’ 32 sena li fieqet mill-kanċer tas-sider, Hector Bruno li qed jiġġieled il-marda tal-kanċer u Jacob Cachia, it-‘titanium man’.

It-12-il ritratt se jittieħed nhar it-3 ta’ Awwissu u kull persuna li qatt għelbet marda jew kundizzjoni oħra mħeġġa tattendi. Dakinar, in-nies kollha li se jattendu se jiffurmaw l-ittra ‘V’ li se tkun qed tirrapreżenta l-kelma victory peress li lkoll ikunu rebħu l-ġlieda kontra l-marda li kienet laqtithom.

Kull min hu interessat jattendi, ir-ritratt se jittieħed għall-ħabta ts-7.30pm quddiem il-funtana ta’ Smart City. Id-dettalji kollha jinsabu fuq il-grupp ta’ Facebook ta’ Survivors Malta.