BLOGS

Min qed jitkellem fuq standards!

Id-diċenza politika titlob bħala prinċipju bażiku l-korrettezza tal-fatti u tal-affermazzjonijiet ippreżentati quddiem il-poplu, u jekk hemm partit f’pajjiżna li żgur ma jistax jargumenta dwar id-diċenza, hu l-Partit Laburista, sew bil-kliem u sew bil-fatti.

Mozzjoni 69
Minkejja li l-Gvern qiegħed – bħal f’diversi okkażjonijiet oħrajn – jipprova jwassal messaġġ ta’ livell politiku għoli billi jagħmel tiegħu l-liġi dwar l-iStandards fil-Politika, hu minnu li din illum qed tkun diskussa grazzi għall-Partit Nazzjonalista fl-Oppożizzjoni, li sa mill-aħħar ta’ Settembru tal-2013, wara biss sitt xhur ta’ tmexxija Laburista taħt Joseph Muscat, ħass l-importanza li f’pajjiżna jkollna liġi li tassigura standards li konna drajna u konna qed nistennew minn kull Gvern minn wara l-1987 ’l hawn.
Imma, evidentement il-Gvern beda jikkonferma l-livell tipikament tal-għaġla tal-fenek mill-ewwel jiem fit-tmexxija. Għalhekk, il-mozzjoni – numru 69 – imressqa mill-Oppożizzjoni tat il-lok għal dibattitu li llum issarraf f’liġi appuntu għaliex il-Gvern niżżel l-istandards politiċi f’livelli li ma jixirqux pajjiż demokratiku msieħeb fl-Unjoni Ewropea.
Li hu ta’ tħassib serju għal pajjiżna hu t-tgħawwiġ tal-fatti li ma jista’ jmeri ħadd. L-ewwel nett, illum kulħadd jafferma l-importanza tal-meritokrazija bħala prinċipju fundamentali għall-ogħla standards, liema meritokrazija qed tkun abbużata bil-kif. It-trasparenza ssibha biss fl-ippuppar taċ-ċerimonji – bħal dik minn Anton Refalo waqt l-inawgurazzjoni tal-latrini pubbliċi – meta hi bil-wisq aktar mistennija f’dak li hu vitali bħall-pubblikazzjoni tal-kuntratti relatati mal-Power Station il-ġdida u fid-Dritt għall-Informazzjoni, liema qed ikunu miċħuda ta’ spiss.
Il-Partit Laburista li jrid jilgħabha tal-kampjun tal-istandards – tal-mistħija meta tikkonsidra li fi ħdanu għandu lil Konrad Mizzi bħala l-uniku Ministru fl-Unjoni Ewropea li ssemma’ fil-Panama Papers u żamm postu f’kabinett (u ngħata poteri ogħla) – ma jistax jipponta lejn l-Oppożizzjoni meta l-fatti juru xorta oħra. L-iStandards għoljin jitolbu għat-tneħħija ta’ Konrad Mizzi u Keith Schembri għax qed iwaqqgħu r-reputazzjoni ta’ Malta u jikkonfermaw kemm il-klikka ta’ Muscat hi fis-sewwa l-uniku interess ta’ standards li għandu l-Gvern.
Kieku l-Gvern verament ried li jgħolli l-istandards ma kienx ikaxkar saqajh għal sentejn sħaħ qabel jibda jiddiskuti l-mozzjoni tal-Oppożizzjoni. Imma wisq aktar minn hekk, ma kienx jippermetti l-indħil politiku bħalma ġara fil-każ tal-Café Premier li fih Joseph Muscat wassal għat-tberbiq fil-vojt ta’ €4.2 miljuni, il-każ tal-indħil politiku ta’ Konrad Mizzi li wassal għal telf ta’ €14-il miljun mill-ftehim mas-Socar tal-Ażerbajġan u l-każ tal-indħil politiku ta’ Michael Falzon li wassal għat-telfa ta’ €3.5 miljuni fuq Gaffarena. Ilkoll każi li fihom aktar minn xamma ta’ korruzzjoni. 

L-AĠ fuq Chris Said
Għalhekk, is-sejħa minn Chris Cardona – id-Deputat Mexxej li qiegħed f’kumpanija privata maċ-Chief of Staff tiegħu –biex Chris Said jirriżenja wara r-rapport tal-Awditur Ġenerali dwaru, hi beżqa fl-ajru.
Matul konferenza tal-aħbarijiet li ta l-Gvern bħal-lum ġimgħa, il-kelliema Stefan Buontempo, Chris Cardona u Josianne Cutajar ippruvaw jagħtu l-impressjoni li Chris Said bħala Segretarju Parlamentari fir-responsabbiltà mill-Kunsilli Lokali waqt leġiżlatura Nazzjonalista, iffavorixxa lil dawk il-Kunsilli b’maġġoranza Nazzjonalista, meta l-fatti tal-istess rapport li kienu qed jikkwotaw juru l-kuntrarju.
Fil-fatt, tul is-snin 2008 u l-2013 il-fondi allokati għal Kunsilli Laburisti kienu jammontaw għal ftit aktar minn sitt miljuni waqt li dawk għal Kunsilli mmexxija minn maġġoranza Nazzjonalista ħadu b’nofs miljun anqas. Rapport ieħor juri li taħt Gvern Laburista, dawk immexxija minn maġġoranza Laburista ħadu 86% tal-fondi!
Din l-informazzjoni korretta ma ssemmiet bl-ebda mod waqt il-konferenza tal-aħbarijiet għaliex hi statistika li ddejjaq il-widna ta’ min irid itappan track record ta’ suċċess. Chris Said, f’konferenza tal-aħbarijiet oħra refa’ r-responsabbiltà ta’ ndħil politiku, imma jafferma, u dan mhux miċħud mir-rapport tal-AĠ nnifsu, li dan dejjem sar fl-aħjar interess tal-Kunsilli Lokali kollha.
Għaldaqstant, dakinhar filgħaxija waqt programm televiżiv fuq il-one li fih kont qiegħed nirrappreżenta lill-Partit Nazzjonalista, meta poġġejt dawn il-fatti quddiem Josianne Cutajar – Minority Leader Laburista fin-Nadur – ma setgħetx tiċħad li l-informazzjoni li kienu għadhom kemm taw aktar kmieni hi biss informazzjoni intenzjonata biex tħammeġ ir-reputazzjoni ta’ Chris Said, l-eks-Sindku Charles Said u s-Sindku attwali Edward Said għaliex mhuwiex minnu li dawn tal-aħħar qatt iffavorew lil ħuhom ieħor Peter Paul Said fl-għoti tal-kuntratti tant li Cutajar stess, flimkien mal-Kunsilliera Laburisti l-oħra, dejjem ivvutaw favur meta s-sottomissjoni tat-tenders kienet skont il-liġi.

L-istandards Nazzjonalisti
Ironikament, fi programm li tulu l-preżentaturi Laburisti riedu jitkellemu dwar l-istandards, kellhom il-wiċċ jistiednu kelliem wieħed għall-Partit Nazzjonalista u żewġ kelliema għall-Gvern, li flimkien ma’ żewġ preżentaturi Laburisti – qrib ħafna tal-Prim Ministru – ippruvaw jissostanzjaw fatti li mhumiex minnhom.
Jekk għall-Gvern dawn huma l-istandards, għall-Partit Nazzjonalista, il-korrettezza politika, il-politika onesta u t-tmexxija serja non-partiġjana huma l-virtujiet li fuqhom qed jifforma Gvern alternattiv immexxi minn Simon Busuttil.