BLOGS

Is-sajf Malti hu uniku fis-sbuħija tiegħu

L-istaġun tas-sajf għandu jġib miegħu jiem ta’ mistrieħ hekk kif ħafna huma dawk li jagħżlu li jmorru għal jiem ta’ btala mal-familjari u l-ħbieb tagħhom. Għal ħafna dan hu żmien ta’ xogħol partikularment għal dawk li jaħdmu f’industrji fejn l-ammont ta’ xogħol jiżdied f’dan iż-żmien tas-sena jew għaliex huma dilettanti tal-festi Maltin u Għawdxin.
Illum xtaqt li nieħu l-opportunità li nsellem lil dawk kollha li jagħtu kontribut importanti f’dan l-istaġun sħun tas-sena b’modi differenti biex effettivament pajjiżna jkun attraenti mhux biss għall-Maltin iżda anke għat-turisti li jżuru l-gżejjer tagħna f’dawn ix-xhur tas-sajf.
Hu fatt magħruf li n-numru ta’ turisti li jkunu f’pajjiżna fis-sajf jikber u jekk pajjiżna qed jikseb suċċess f’dan is-settur, sena wara l-oħra u taħt Gvernijiet differenti, dan m’huwiex biss dovut għall-viżjoni ta’ min mexxa u qed imexxi lil pajjiżna iżda anke ta’ min jaħdem f’dan is-settur.

Riżors importanti
Hu imperattiv li biex pajjiżna jirreġistra tkabbir u suċċess fil-qasam turistiku, dawk li jaħdmu f’dan is-settur jagħtu l-massimu tagħhom biex jaċċertaw li l-esperjenza ta’ turist f’Malta u Għawdex tkun l-aqwa waħda possibbli. Għaldaqstant ma nistax ma nirringrazzjax lil kull min jagħti s-sehem tiegħu f’dan is-settur, kemm jekk b’mod dirett jew indirettament, biex tassew naċċertaw li pajjiżna jibbenefika minn din ir-riżorsa tant importanti fl-ekonomija tan-nazzjon tagħna.
Bl-istess mod wieħed irid juri l-apprezzament tiegħu lejn dawk li jagħtu l-kontribut tagħhom fl-organizzazzjoni tal-festi reliġjużi tagħna li jiffurmaw parti mil-lista ta’ avvenimenti li jkunu organizzati matul is-sajf f’pajjiżna waqt li jkomplu jagħtu identità lil dak kollu li hu Malti.
Filwaqt li dawn il-festi huma ta’ attrazzjoni għal kulħadd, kemm Maltin u turisti, wieħed irid jifhem is-sagrifiċċju li jsir minn dawk kollha involuti biex dawn il-festi jkunu organizzati b’dedikazzjoni u suċċess kbir. Ħafna minn dawk involuti jagħmlu dan b’mod volontarju iżda dan ma jnaqqas xejn mill-passjoni fil-ħidma.

Kliem ta’ tifħir
Permezz ta’ dawk li jaħdmu fil-qasam turistiku, jew li b’xi mod jew ieħor imissu ma’ dan is-settur, kif ukoll dawk li jagħtu sehem fit-tfassil tal-festi f’kull lokalità f’Malta u Għawdex matul ix-xhur tas-sajf, pajjiżna qed ikompli jkun ta’ attrazzjoni għal dawk li jagħżlu li jisfidaw is-sħana tas-sajf u jgħixu dan l-istaġun fil-gżejjer tagħna.
Ngħid għalija napprezza aktar lil dawk li jagħtu dan is-servizz meta nisma’ kliem ta’ tifħir mingħand turisti jew ħbieb tiegħi minn barra li jiġu f’Malta għal jiem ta’ mistrieħ u jduqu ftit minn dak li hu Malti u Għawdxi matul ix-xhur tas-sajf.
Tassew għandna għalfejn inkunu kburin b’pajjiżna u għandna nfittxu li niftaħru b’dak li hu Malti għaliex għandna wirt li kultant ma napprezzawx biżżejjed. Il-baħar u t-temp sabiħ li jikkaraterizza l-istaġun sajfi f’Malta jagħmel lil pajjiżna attrazzjoni unika u popolari ma’ tant barranin.
Fl-istess waqt għandna nkunu aħna stess li nfittxu li nsaħħu d-dehra ta’ pajjiżna, mhux biss fis-sajf iżda matul is-sena kollha, billi naċċertaw li nżommu nadif kull fejn inkunu u mhux biss fid-djar rispettivi tagħna. Id-dar tagħna hi Malta u Għawdex kollha u jeħtieġ li nżommu dan f’moħħna kull ħin u kull mument għaliex dan hu dak li jgħina nkunu patrijottiċi lejn dak kollu li hu Malti.