Dalgħodu l-Kap tal-Partit Nazzjonalista laqa’ fl-Uffiċċju tiegħu fid-Dar Ċentrali lill-Kummissarju Għoli Ingliż Rob Luke li mistenni jtemm il-kariga tiegħu fil-jiem li ġejjin biex minfloku jinħatar Kummissarju Għoli Ingliż ieħor għal Malta.
Preżenti għal din il-laqgħa kien hemm ix-Shadow Minister għall-Affarijiet Ewropej u Barranin Roberta Metsola kif wkoll il-kap tal-Uffiċċju tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista Matthew Gatt.
Flimkien huma ddiskutew ir-riżultat ta’ Brexit u x’effetti jista’ jkollu fuq il-pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea fosthom Malta. Minn naħa tiegħu Rob Luke qal li hu żgur hu li fit-taħdidiet tar-Renju Unit ma’ Malta se jibqa’ jkun hemm koperazzjoni u kollaborazzjoni kif dejjem kien hemm permezz tat-taħdidiet bilaterali.
Minn naħa tiegħu l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil irringrazzja lill-Kummissarju Għoli Ingliż għall-ħidma tiegħu tul dawn l-aħħar 4 snin. Qal wkoll li għalkemm ir-riżultat ta’ Brexit għal Malta kien wieħed diżappuntanti pajjiżna xorta waħda se jħares lejn il-pożittiv li jista’ joħroġ minn dak ir-riżultat.
Il-Kummissarju Għoli Ingliż Rob Luke temm jgħid li rrispettivament mis-sħubija taż-żewġ pajjiżi fl-Unjoni Ewropea, Malta u r-Renju Unit għandhom storja ta’ ħbiberija li tmur lura għexieren ta’ snin u li m’għandux dubju li l-Kummissarju Għoli Ingliż il-ġdid se jkompli jaħdem fuq dan l-aspett minkejja li post ir-Renju Unit mhux se jibqa’ fl-Unjoni Ewropea.
//= $special ?>