Il-Komunità Musulmana f’Malta rċiviet l-aħbar tal-aħħar attakki ta’ terroriżmu fi Franza, Ġermanja u l-Istati Uniti b’dieqa kbira. Fost l-attakki kollha li saru f’dawn l-aħħar xhur, il-Komunità għamlet referenza partikolari għall-qtil tas-saċerdot Franċiż Fr Jacques Hamel.
Fi stqarrija, il-Komunità qalet li għalkemm dawn l-attakki u qtil qed jintqal li saru f’isem l-Iżlam, fil-verità r-reliġjon tal-Iżlam ma tippermettix, anzi tikkundanna attakki bħal dawn speċjalment il-qtil ta’ persuni innoċenti rrespettivament mill-fidi reliġjuża tagħhom.
Saħqet li attakki bħal dawn mhumiex biss attakki kontra l-Ewropej imma huma attakki kontra l-Musulmani fl-Ewropa. Tgħid illi t-terroriżmu m’għandux reliġjon u m’għandux fruntieri. Filfatt tisħaq li t-terroristi huma l-għadu tal-Iżlam u tal-Musulmani.
B’hekk, il-Komunità Musulmana f’Malta qed tappella lill-Komunità Internazzjonali biex jingħaqdu kontra l-ISIS, filwaqt li juru solidarjetà mal-familji kollha tal-vittmi u dawk membri tal-Knisja Kattolika.
//= $special ?>