BLOGS

Il-pjaga tat-terroriżmu

Fis-sena 2016, wieħed ma kienx jimmaġina li se jkun qed jiġi diskuss it-terroriżmu u l-isfida li dan qed ipoġġi quddiem kull pajjiż.
Ħadd ma kien jimmaġina li d-dinja, inkluża l-Ewropa, se tkun qed tintlaqat minn mewġa ta’ ħruxija bla rażan u attakki bla preċedent fuq il-ħajja tal-innoċenti – dan kollu għal skop li sal-lum il-ġurnata għadu mhux ċar.
Hemm min jgħid li għar-reliġjon, hemm min jgħid li politika, iżda li hu ċert hu li minħabba f’hekk id-dinja qed tgħix fil-biża’ u ħajjiet ta’ nies innoċenti qed jittieħdu intortament.
Sfortunatament, din hi r-realta li qed naraw isseħħ ftit ’il bogħod minnha f’pajjiżi bħal Franza, Belġju u Ġermanja. Din hi r-realtà li qed jgħixu nies bħalna li mingħajr tort qed ikunu mhedda bl-aġir inspjegabbli ta’ wħud. Din hi pjaga li d-dinja qed tgħix biha llum il-ġurnata, pjaga li iktar ma jmur iktar tikber u r-riskju qed ixekkel il-ħajja trankwilla tan-nies.

L-effett tal-organizzazzjonijiet terroristiċi
Xi ħaġa li impressjonatni hi l-effett ta’ organizzazzjonijiet bħal ISIS u oħrajn. Fil-passat konna nsejħulhom gruppi terroristiċi, illum qed ngħidulhom organizzazzjonijiet terroristiċi għaliex saru kumplessi, għandhom struttura u wara kollox għandhom pjan – pjan li qed iwettqu pass pass. Dawn l-organizzazzjonijiet huma influwenti ħafna. It-teknoloġija qed tgħinhom iwasslu l-messaġġ tagħhom ferm aktar malajr, u ferm aktar ’il bogħod milli kienu qabel, u qed jużaw kull għodda possibbli biex jikbru u jirbħu.
L-influwenzi li dawn għandhom fuq in-nies hi impressjonanti. Qed ibeżżgħu lil min irid jgħix ħajja normali, filwaqt li qed jikkonvinċu lil min ikun dgħajjef. Rajna kif ċertu każi terroristiċi, huma kommessi min-nies li jkunu għaddejjin minn żminijet diffiċli, mumenti ta’ abbuż, li jiżvugaw b’dan il-mod anke biex jippruvaw jagħtu messaġġ lid-dinja u jagħmlu dan bl-ikbar mod possibbli. Atteġġament li jkexkxek meta wieħed jimmaġina l-kumplessità biex dawn l-attentati jistgħu possibbilment jiġu antiċipati u evitati.

Fl-għaqda hemm is-saħħa
Waħda mill-elementi li l-aktar issaħħaħ organizzazzjonijiet terroristiċi hi l-għaqda. Organizzazzjonijiet differenti, bi skopijiet differenti li però jgħinu lil xulxin biex jilħqu l-iskopijiet rispettivi tagħhom. Għaliex fl-għaqda hemm is-saħħa – u dik hi l-mentalità li l-bqija tad-dinja trid taddotta.
Inutli pajjiżi Ewropej jieħduha kontra xulxin – anzi għandna naħdmu id f’id biex l-għaqda żżid is-saħħa għaliex b’hekk biss tegħleb il-ħażen. Dak li għaddejja minnu d-dinja bħalissa, il-biża’, it-theddid u l-imwiet, huma l-iskop tal-organizzazzjonijiet terroristiċi – iżda dan it-test li għaddejja minnu d-dinja hu wkoll opportunità biex jgħaqqad lil dawk kollha ta’ rieda tajba fil-ġlieda kontra t-terroriżmu.