Lokali

Filmat: “In-nifs qed ibatti imma se nkompli naħdem” – Bjorn Formosa

Fis-Sajf tal-2014, il-midja soċjali kienet invażata bil-filmati tan-nies jagħmlu l-ice bucket challenge. Eluf ta’ nies kienu qed jitfgħu fuqhom barmil ilma inġazzat sabiex jinġabru flus biex isir studju dwar l-marda tal-ALS. Filfatt, mill-Ice Bucket Challenge inġabru 115 miljun dollaru u din il-ġimgħa ħarġu żviluppi ġodda – is-sejba ta’ ġene NEK1 li tikkawża l-ALS. Net News iltaqa’ ma’ Bjorn Formosa, iż-żagħżugħ li qed ibati minn din il-kundizzjoni.
Bjorn qal li din l-iskoperta se tkun qed tiftaħ triq biex tindirizza trattamenti u mediċina li jkunu jistgħu jitrattaw din il-marda. Hu spjega wkoll kif dan l-aħħar in-nifs qed jonqoslu u li l-als qed tikkontrollalu iktar ħajtu. Qal li n-nifs qed ibatti ħafna u ġieli wkoll ikollu diffikultà biex jipronunċja xi kliem.

Madanakollu Bjorn ma jaqtax qalbu u jibqa’ jaħdem għall-ALS Malta. Filfatt, fil-bidu ta’ Lulju nawguraw ħanut ġdid tal-ALS f’Santa Venera li fih qed ibigħu affarijet li l-qliegħ qed imur lejn l-ALS Malta. Apparti minn hekk, l-ALS Malta se tkun qed torganizza diversi attivitajiet oħra biex tkompli tiġbor il-flus għal aktar riċerka.

Filfatt, nhar is-27 ta’ Awwissu li ġej, l-ALS Malta se torganizza festival tal-mużika ieħor u li fih se jkunu qed jipparteċipaw numru ta’ residenti tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin. Filfatt, l-attività jisimha ‘Inmates 4 ALS‘. Għal aktar informazzjoni wieħed jista’ jżur il-paġna ta’ Facebook tal-ALS Malta.

Il-Ħanut jinsab fi Triq il-Kbira San Ġużepp u jkun miftuħ mit-Tnejn sas-Sibt bejn is-9.00am u is-1pm u l-Erbgħa u l-Ġimgħa jiftaħ ukoll bejn l-4pm u s-7pm. Għal iktar informazzjoni wieħed jista’ jċempel fuq 79209420.