Lokali

L-ebda garanziji, l-anqas lill-piloti tal-Air Malta

Quddiem l-Imħallef Silvio Meli, ir-rappreżentant legali tal-ALPA li tirrappreżenta l-piloti tal-ajru, qalu illi huma ma kinux se jaslu biex iħassru titjiriet kemm-il darba jieħdu azzjoni industrijali kontra l-Airmalta. L-avukat Edward Gatt qal dan f’isem l-ALPA, meta saru t-trattazzjonijiet finali dwar it-talba għall-mandat ta’ inibizzjoni li l-Air Malta qed tagħmel fil-konfront tal-ALPA.

L-Avukat Louis Degabriele minn naħa tiegħu informa lill-Imħallef Meli li jekk tittieħed xi azzjoni industrijali dan ikompli jressaq lill-kumpanija lejn xifer falliment. Degabriele għamilha ċara li huma ma jridux ineħħu d-dritt ta’ azzjoni industrijali lill-piloti tal-ajru madankollu wissa li l-kumpanija tinsab f’sitwazzjoni delikata u f’nofs taħdidiet ma’ kumpanija oħra bit-tama li ssalva.

Huwa sostna wkoll li ma setgħux jagħtu garanziji lill-piloti tal-ajru proprju għax għadhom għaddejjin it-taħdidiet mal-Alitalia li huma determinanti għall-futur tal-linja tal-ajru.

Wara li sema’ liż-żewġ naħat, l-Imħallef Meli ddifferixxa l-kawża għas-sentenza għalkemm ma ta ebda data meta se jagħmel dan.