Il-Bank Ċentrali Ewropew ħalla li r-rata tal-interessi prinċipali tiegħu tibqa’ kif kienet. Dan hu rekord ta’ interessi baxxi. Il-Bank Ċentrali Ewropew sostna li dan qed isir wara li l-poplu tar-Renju Unit ivvota favur il-‘Brexit’, jiġifieri li r-Renju Unit joħroġ mill-Unjoni Ewropea. Il-Bank Ċentrali Ewropew irid jara x’impatt se jkollha din id-deċiżjoni tal-poplu Ingliż qabel ibiddel ir-rata tal-interessi. S’issa l-impatt fuq ir-Renju Unit ma tantx kien tajjeb u jirriżulta li kien hemm ‘slowdown’ ekonomiku wara r-riżultat tal-‘Brexit’. Sadattant, minn ċifri ppubblikati f’“The Economist” tas-16 ta’ Lulju, joħroġ li mill-aħħar tas-sena l-oħra, is-swieq tal-kambju taz-zona ewro tilfu 9.3 fil-mija jekk nieħdu l-‘FTSE Euro 100’ u 10.4 fil-mija jekk niedu l-‘EURO STOCK 50’.
Il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) jaħdem biex l-ekonomiji tas-27 pajjiż membru tal-Unjoni Ewropea (sakemm l-Ingliżi ma vvutawx favur il-Brexit kienu 28) jissaħħu. Biex dan iseħħ, il-BĊE irid li jżomm l-inflazzjoni f’medja ta’ tnejn fil-mija. Inflazzjoni baxxa ħafna u inflazzjoni għolja, it-tnejn huma ħżiena. Dan jinvolvi li l-interessi jinżammu baxxi.
Biex l-interessi jinżammu baxxi, il-BĊE qed imur għall-Quantative Easing (miżura li diġà kienet ippruvata b’suċċess fl-Istati Uniti, fir-Renju Unit u fil-Ġappun aktar minn darba), jistampa l-flus biex jixtri l-bonds u hekk jikkrea flus ġodda fis-sistema bankarja bl-iskop li l-banek ikabbru s-self u l-livell tal-inflazzjoni.
Bħalissa, il-punt ta’ riferiment (benchmark) tar-rata ta’ self tal-BĊE lill-banek hu zero. Fl-istess waqt, il-BĊE impona rata negattiva ta’ 0.4 fil-mija għal depożiti li l-banek kummerċjali jħallu magħha. Din hi speċi ta’ penalità li l-BĊE jimponi fuq il-banek kummerċjali bl-iskop li jwassal lil dawn il-banek jisilfu iktar. Oħrajn iqisu r-rata negattiva, u jien ngħid bir-raġun, bħala taxxa fuq il-profitti tal-banek.
Biex jilħaq l-iskop tiegħu, il-BĊE jixtri madwar €80 biljun fix-xahar f’bonds. Dan ix-xiri tal-bonds għandu jibqa’ sejjer sa Marzu 2017. Jista’ jkun li jitwal anki wara din id-data.
Li jinżammu r-rati tas-self baxxi hi xi ħaġa tajba għal min jissellef. Iżda żgur li ma jistgħux jgħidu l-istess dawk li għandhom flushom iddepożitati fil-banek u jaraw li sena wara oħra l-imgħaxijiet li kellhom jonqsu. Hemm ħafna familji li jgħixu mill-imgħaxijiet. Allura meta jonqsilhom id-dħul minn dan is-sors jitbaxxilhom il-livell tal-għajxien tagħhom.
Jien niftakar żmien meta diversi stocks, bħal dawk tat-Teżor Ingliż fejn il-Maltin kellhom miljuni kbar investiti, jagħtu 13, 14 u 15 fil-mija. Filwaqt li rati bħal dawn kienu esaġerati u wasslu biex ħafna pajjiżi komplew jgħerqu fid-djun, ir-rati li qed jitħallsu llum huma daqshekk ieħor redikoli u ma jħajrux lil min ifaddal.
Rati baxxi ta’ imgħaxijiet huma tajbin għall-gvernijiet ta’ pajjiżi li jridu jissellfu, inkluż tagħna, li din is-sena stima li se jkollu jissellef €600 miljun. Huma tajbin għal pajjiżi li d-dejn tagħhom hu ta’ iktar minn 100 fil-mija tal-Prodott Domestiku Gross, bħall-Italja. Iżda mhumiex tajbin għall-banek u għal min l-imgħaxijiet jgħinuh jgħix aħjar.
Illum hemm diversi banek f’diffikultajiet, anki għall-fatt li qed jisilfu b’imgħaxijiet baxxi. Kif inhuma f’diffikultà dawk li għandhom depożiti mal-istess banek. Ix-xogħol tradizzjonali tal-banek hu li jieħdu l-flus mingħand id-depożitanti u jisilfuhom b’rati ogħla.
Issa jekk il-banek ikunu kostretti li jisilfu b’imgħaxijiet iktar baxxi biex jistimulaw l-ekonomija, huma jkollhom inaqqsu l-imgħaxijiet li jħallsu lil dawk li jkollhom flushom iddepożitati magħhom. Jew hekk jew iżidu ċ-charges li jitolbu għas-servizzi bankarji li jagħtu, b’detriment għal min juża s-servizzi tagħhom. Qed nidħlu f’ċirku vizzjuż fejn diversi banek qed isibu rwieħhom f’diffikultajiet serji.
L-istess jista’ jingħad għall-kumpanniji tal-assigurazzjoni. Dawn, bħal banek, iridu jaqilgħu biex iħallsu pensjonijiet, claims u kwalunkwe ħaġa oħra li għalihom ikunu mwaqqfa. Issa jekk id-dħul tagħhom ma jkunx sodisfaċenti, ikollhom jitolbu premiums ikbar. U min ibati? Min ikun assigurat.
Għandek ukoll il-boroż tal-kambju (stock exchanges) li minn żmien għal ieħor qed jikkrollaw, anki jekk mhux kollha għax hemm ukoll min żied. Hekk per eżempju s-swieq tal-kambju Ċiniżi mill-aħħar tas-sena l-oħra tilfu 16.1 fil-mija f’termini tad-Dollaru Amerikani, it-Taljani tilfu 21.1 fil-mija, iċ-ċifra ta’ kemm tilfu s-swieq tal-UE tajtha iktar ’il fuq. Ħafna minn dan it-telf ġej mit-telf tal-banek, speċjalment fl-Italja.
Din tal-imgħaxijiet baxxi ma tistax tibqa’ sejra għal dejjem. Il-Ġermanja u l-pajjiżi Nordiċi kemm-il darba għamluha ċara li l-affarijiet ma jistgħux jibqgħu kif inhuma.
Il-Ġermanja kemm-il darba kellha kritika għall-President tal-BĊE Mario Draghi, anki jekk nemmen li dan qed jagħmel ħidma eċċellenti għall-Unjoni kollha. Dawk kollha li fil-Ġermanja u pajjiżi oħrajn li jaħsbuha bħalha għandhom flushom fil-banek iħossuhom qed ‘jinsterqu’ biex jiġu megħjuna ekonomiji dgħajfa fl-istess Unjoni Ewropea. Jekk inħarsu mil-lenti personali ta’ dawn in-nies, dawn ir-rati bankarji baxxi ma jagħmlux sens.
Irid jinstab bilanċ. M’hemm l-ebda bakketta maġika biex dan iseħħ. Jekk gvern ma jiflaħx għal interessi għoljin għaliex dawn jiklulu d-dħul tiegħu meta jħallas l-imgħaxijiet fuq id-dejn nazzjonali, dan għandu jsib il-mezzi biex jissellef inqas. Dan iseħħ biss jekk tonqos in-nefqa. Speċjalment fejn ikun hemm infiq żejjed, bħal fil-każ tagħna, fuq reklutaġġ ta’ eluf ta’ ħaddiema fis-settur pubbliku li jixorbu għexiren ta’ miljuni ta’ ewro kull xahar.
Fil-każ tagħna, aħna għandna gvern li qed jiggarantixxi €360 miljun li l-Bank of Valletta għadda lill-konsorzju privat li qed jibni l-impjant li jiġġenera l-elettriku mill-gass. Jekk dan hu konsorzju privat, kien hemm bżonn li l-Gvern jagħmel garanzija bħal din? Il-ħela minn flus il-poplu twassal għal iktar self. Twassal biex il-Gvern jissellef bl-inqas rati possibbli. Li mhix ħaġa negattiva għall-amministrazzjoni.
Iżda li b’imgħaxijiet baxxi żgur twassal biex dawk li b’sagrifiċċju warrbu xi ħaġa għal meta jikbru biex jawmentaw il-pensjoni, issa qed isibu ruħhom bi dħul ferm inqas minn dak li kienu ppjanaw. B’ħafna minnhom jidħlu anki fil-periklu tal-faqar, kif juru ċ-ċifri li minn żmien għal żmien tippubblika l-Unjoni Ewropea.