Fid-diskussjoni dwar il-mara u s-suċċess tagħha nisimgħu dwar il-‘glass ceiling’ deskritta bħala l-ostaklu inviżibli li jżomm lin-nisa milli jirnexxu ‘l fuq minn livell partikolari f’gerarkija. Għal diversi snin saru diskussjonijiet fuq l-ostaklu inviżibli deskritt bħal ostaklu tal-ħġieġ li minnu n-nisa fil-postijiet tax-xogħol, fis-soċjetà u fil-politika bħal donnu jistgħu iħarsu ‘l fuq imma ma jistgħux jgħaddu għal karigi ogħla għax huma u telgħin isibu dan l-ostaklu tal-ħġieġ li jżommhom.
Minkejja li hu deskritt bħala ostaklu inviżbli in-nisa jaraw b’għajnejhom u jgħixu fil-prattika l-ostakli li joffru sfida biex nirnexxu b’mod ugwali. Wieħed mill-fatturi huwa li s-soċjetà għandha biss esperjenza riċenti ta’nisa fit-tmexxija. Għad hawn ħafna entitajiet pubbliċi u kumpanniji li minkejja storja twila minn meta twaqqfu qatt ma kellhom nisa jmexxuhom.
Anke fil-politika minkejja li esperjenzajna progress il-parteċipazzjoni tal-mara qed tiżdied bil-mod u allura anke n-nisa fit-tmexxija huma ftit. Stħarriġ tan-Nazzjonijiet Uniti juri li f’Awwissu 2015 kien hemm biss 22% tal-membri Parlamentari madwar id-dinja kollha li huma nisa. F’għaxar snin kien hemm żieda minn 11.3% għal 22% iżda din hija żieda li qed tiġi deskritta bħala waħda li qed iseħħ bil-mod ħafna.
Hillary Clinton – Tisfida l-Ostakli
L-għażla ta’ Hillary Clinton bħala l-kandidata tad-Demokratiċi ġiet deskritta bħala l-ikbar pass biex jixxaqqaq dan l-glass ceiling. Anke l-mara tal-President attwali, Michelle Obama qalet li l-passi li qed tagħmel Hillary Clinton huma passi ta’ determinazzjoni. Passi ta’ mara li ma taqtax qalbha u tibqa’ tippreżenta ruħha f’servizz li għandu kawża – is-servizz fejn bil-kapaċità u d-determinazzjoni tkisser l-ostakli, issir l-ewwel mara li waslet sal-livelli fil-politika fejn l-ebda mara qatt ma kellha l-opportunità tasal u togħli magħha lil kull mara u tifla li sa issa f’xi mument jew ieħor għadhom isofru xi diskriminazzjoni minħabba s-sess tagħhom.
Fid-diskorsi tagħhom iż-żewġ nisa għamlu wkoll messaġġi lil bniet. Dawn il-messaġġi għandhom l-għan li jibnu kunfidenza fil-ġenerazzjoni tat-tfal tagħna biex kull persuna temmen li tista’ tasal sal-quċċata għaliex fit-tmexxija jista’ jkun hemm kemm nisa u kemm irġiel. Hillary Clinton indirizzat lil bniet li kienu qed isegwu l-Konvenzjoni tad-Demokratiċi u qaltilhom li hi tista’ tkun l-ewwel President mara tal-Istati Uniti iżda warajha se jkun hemm xi waħda minhom. Dan bl-ebda mod ma jfisser li qed timbotta politika favur in-nisa biss iżda politika favur l-ugwaljanza. Il-kapaċità għandha tibqa’ fattur ewlieni fil-promozzjoni ta’ persuna lejn kariga ta’ tmexxija.
B’hekk mara jew raġel kapaċi jkollhom opportunità indaqs li jilħqu l-quċċata tal-potenzjal tagħhom. Meta jsiru messaġġi mmirati li jibnu kunfidenza fil-bniet isiru għaliex nirrikonoxxu li l-mara għadha tiffaċċja diskriminazzjoni u nuqqas ta’ ugwaljanza f’xi ċirkostanzi. Għalhekk billi nibnu kunfidenza fil-bniet żgħar waqt li nrawmu wkoll lis-subien li l-mara u r-raġel huma ugwali u jikkumplimentaw mhux jikkompetu ma’ xulxin, inkunu qed inrawmu ġenerazzjoni li tħares lejn futur t’opportunitajiet indaqs għal kulħadd.
Viċin in-nies għat-tisħiħ tal-ugwaljanza
Fl-esperjenza tiegħi bħala kandidata mara fuq Ħal Qormi fejn twelidt, Ħal Luqa minn fejn hi l-familja tar-raġel tiegħi u s-Siġġiewi fejn ilni ngħix 20 sena u fejn inservi bħala Viċi Sindku, niltaqa’ ma diversi sfidi. Xi wħud huma marbuta mal-fatt li kandidata ġdida trid taqdef biex tibni kampanja mill-qiegħ. Mill-ewwel ġurnata li tħabbart bħala kandidata bdejt inżur id-djar tan-nies. Fiċ-ċentru tal-kampanja tiegħi hemm n-nies.
Il-kawża tal-kampanja tiegħi hija wkoll ċara – jiena politiku li qed naqdef biex pajjiżna jkollu aktar nisa eletti fil-Parlament tagħna. Mill-Parlament tagħna irrid inservi biex ikollna iktar ugwaljanza – biex it-tfal tagħna jemmnu li jistgħu jaslu fejn jixtiequ bil-kapaċità tagħhom irrispettaviment mill-kulur politiku jew mis-sess tagħhom. Il-persuna kienet fiċ-ċentru tal-kampanja li waslitni biex ġejt eletta bħala l-ewwel Viċi Sindku mara fis-Siġġiewi. Il-Kunsilli Lokali ilhom imwaqqfa 20 sena iżda kellhom jgħaddu 20 sena biex fis-Siġġiewi tiġi eletta mara f’kariga tat-tmexxija tal-Kunsill Lokali.
Bħala kandidata għall-Parlament se nkompli b’din il-kampanja li tpoġġi lin-nies fiċ-ċentru waqt li taqdef għal kawża li b’iktar nisa fil-Parlament inkomplu insaħħu l-valur tal-ugwaljanza fis-soċjetà tagħna.
//= $special ?>