Lokali

Il-GRTU kontra kull xkiel li jtellef l-investiment fil-Port Ħieles

Id-dikjarazzjoni riċenti tal-Prim Ministru Joseph Muscat li huwa ma jridx li l-Port Ħieles ikompli jikber u jieħu iżjed art, waslet għal aktar reazzjonijiet, did-darba mill-GRTU f’kummenti li ngħataw lill-gazzetta Il-Mument.

Il-President tal-GRTU Paul Abela ddikjara ma’ il-Mument li “għall-GRTU l-investiment fil-Freeport hu imporanti għaliex dan ikollu impatt pożittiv fuq l-ekonomija inġenerali u għaldaqstant fuq il-firxa wiesa’ ta’ setturi li tirrappreżenta il-GRTU.”

Hu żied li dejjem pinġejna lil Malta ma’ pajjiżi li minnhom irridu nattiraw l-investiment bħala pajjiż tal-aqwa infrastruttura ta’ logistika u ta’ servizzi tal-portijiet.

“Dan kien possibili għaliex l-investimenti li kellhom isiru fil-Port il-Kbir saru u żammewna fil-quċċata meta tikkumpara l-pajjiżi u s-servizzi loġistiċi li dawn joffru.”

F’dan ir-rigward, Paul Abela ddikjara li “għaldaqstant il-port tagħna għandu jiġi sostnut mhux biss bl-investiment neċessarju iżda dak kollu li jgħin lil Malta tattira investiment u joffri l-aqwa servizz lin-negozji tagħna. Fejn jidħol investiment fil-Port Ħieles, il-GRTU hi favur inkuraġġiment, mhux xkiel.”

Ġimagħtejn ilu, l-UĦM Voice of the Workers’ irrapportat li kienu avviċinaw lill-union diversi ħaddiema tal-Malta Freeport Terminal, li jinsabu inkwetati bid-dikjarazzjoni tal-Prim Ministru. Il-union ħeġġet biex isiru wkoll studji ambjentali qabel kull dikjarazzjoni oħra bħalma għamel il-Prim Ministru aktar kmieni din il-ġimgħa.

Il-UĦM irrimarkat li l-Malta Freeport Terminal jopera f’industrija mill-aktar kompetittiva waqt li bastimenti tal-merkanzija aktar ma qed jgħaddi żmien aktar qed jikbru fid-daqs tagħhom. Il-union kienet tenniet li għaldaqstant dan jitlob investiment kontinwu mill-Freeport biex jilqa’ għall-isfidi tal-lum u taż-żmien li ġej.

Il-UĦM kienet ukoll stqarret li d-dikjarazzjoni tal-Prim Ministru Joseph Muscat kontra l-espansjoni tal-Port Ħieles tikkontrasta bil-qawwa ma’ dikjarazzjoni li kien gġamel il-Prim Ministru dwar l-espansjoni ta’ ċentru tal-loġistika f’Ħal Far.

Dwar l-espansjoni ta’ dan iċ-ċentru dan l-aħħar tkellem ukoll Michel Cordina, l-Kap tal-Commercial Banking tal-HSBC fejn żvela li għal dawn l-aħħar tmien xhur kienu qed isiru taħditiet bejn rappreżentanti tal-Bank, il-Gvern u investituri privati biex jitwaqqaf ċentru ta’ loġistika f’Malta. Hu kien qal li l-idea hi li l-containers li jidħlu fil-Port Ħieles jiġġeneraw aktar attività ekonomika.

Il-Malta Freeport Terminal jikkontribwixxi sostanzjalment għall-ekonomija Maltija, u minn meta ġie privatizzat sar investiment ta’ €230 miljun. Hu stmat li mal-1,800 ħaddiem huma direttament jew indirettament jiddependu mix-xogħol li jasal u jgħaddi mill-Port Ħieles.