Il-Prim Ministru Joseph Muscat ma semma xejn dwar il-miżuri ta’ sigurtà li qed jieħu l-pajjiż fid-dawl tat-theddid tat-terroriżmu. Dan filwaqt li waqt intervista fuq l-istazzjon tar-radju Laburista ammetta li bħalissa, fid-dawl ta’ dak li qed jiġri barra minn xtutna, kulħadd huwa mbeżża’.
Meta kien qed jitkellem, il-Prim Ministru qal li ma jidhirx li hemm theddid fuq pajjiżna, imma naqas milli jispjega dwar il-miżuri ta’ sigurtà li qed jittieħdu.
Fl-intervista, il-Prim Ministru prova jagħti l-impressjoni li hu jmexxi Gvern li jġib il-bidliet u li hu kapaċi jiddeċiedi.
Iżda b’reazzjoni għal dan, il-Partit Nazzjonalista qal li minkejja l-impressjoni li pprova jagħti, il-Prim Ministru Joseph Muscat mhux kapaċi jiddeċiedi, fost oħrajn dwar Keith Schembri u Konrad Mizzi li nqabdu li fetħu kumpaniji sigrieti fil-Panama biex fihom jitfgħu is-senserija, dwar Michael Falzon li fetaħ attakk feroċi fuq l-istituzzjonijiet indipendenti tal-Awditur Ġenerali u dwar Alfred Mifsud li għandu allegazzjonijiet serji u gravi ta’ korruzzjoni.
Il-Partit Nazzjonalista qal li Muscat issa għandu test ieħor, li fih, il-poplu Malti u Għawdxi qed jistennieh li jiddeċiedi: l-iskandlu tal-visas mediċi lil-Libjani, skandlu maħdum f’Kastilja.
//= $special ?>