Fid-dawl tad-dettalji dwar l-iskandlu tal-visas mediċi żvelati minn The Sunday Times of Malta fil-ħarġa tal-lum, l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil qal li jistenna li l-Prim Ministru Joseph Muscat jieħu azzjoni dwar dan. Simon Busuttil kien qed jagħti kummenti fuq Radio 101, meta fakkar li l-Oppożizzilha ilha xhur tagħmel il-mistoqsijiet kemm fil-Parlament kif ukoll barra l-Parlament biex il-Gvern jispjega kif qed jingħataw aktar visas mediċi lill-Libjani minn żmien ir-rivoluzzjoni Libjana fl-2011.
Simon Busuttil qal li meta wieħed ikun qed jagħti l-visas b’tixħim, ikun ifisser li l-interess tal-Gvern ma jkunx is-sigurtà tal-poplu Malti u Għawdxi, iżda l-interess ikun il-korruzzjoni. Hu fakkar li din mhix l-ewwel darba li feġġ skandlu dwar dan, għaliex is-sena li għaddiet kien faqqa’ l-iskandlu tal-visas lill-Alġerini, kif ukoll il-ħruġ ta’ permessi ta’ residenza lill-Libjani li wassal biex l-eks Teżorier tal-Partit Laburista tressaq il-Qorti.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li jeżisti tħassib serju tal-konsegwenzi ta’ dan l-iskandlu għall-poplu Malti u Għawdxi, għaliex Kastilja mhix tagħti interess lis-sigurtà tal-Maltin, iżda l-interess hu t-tixħim. “Il-ħuta minn rasha tinten għaliex dan l-iskandlu reġa’ sar f’Kastilja, bħal dak tal-Cafe’ Premier, Gaffarena u tal-Panama,” qal Simon Busuttil.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista rreaġixxa wkoll għall-kummenti ta’ Muscat dwar l-iskandlu tal-Panama li qal li jinsab “iddiżappuntat”. Simon Busuttil qal li ħadd ma jemmen lil Muscat għaliex huma n-nies li huma diżappuntati bil-mod kif Muscat ma ħax azzjoni li kien mistenni jieħu, tant li għadu sal-lum ma ħax azzjoni. “Muscat hu responsabbli daqs Keith Schembri u Konrad Mizzi,” qal Simon Busuttil, filwaqt li sostna li Muscat qiegħed jinsulenta l-intelliġenza tan-nies meta jgħid li jinsab diżappuntat bl-iskandlu tal-Panama.
Simon Busuttil qal li għal din il-korruzzjoni, qed iħallsu ċ-ċittadini Maltin u Għawdxin għaliex il-Gvern, flok iffukat fuq l-isfidi tal-familji Maltin u Għawdxin, jinsab iffukat biex jiffanga. Hu ġab numru ta’ eżempji dwar dan, b’mod partikolari f’Għawdex, minn fejn il-Kap tal-Partit Nazzjonalista għamel il-kollegament telefoniku. Hu semma kif fi tmiem il-ġimgħa ltaqa’ ma’ ħaddiema fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex li jinsabu rashom maqtugħa għaliex ma jafu xejn dwar il-futur tagħhom wara d-deċiżjoni tal-Gvern li jiprivatizza l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex. Hu semma wkoll it-triq li tagħti lejn San Lawrenz, li dan il-Gvern ma sabx il-flus u l-ħeġġa biex ikompli jaħdem fuqha f’dawn it-tliet snin u nofs.
Fl-aħħar tal-kollegament telefoniku, Simon Busuttil ikkundanna l-att li seħħ fuq il-Koran fl-Isptar Mater Dei, filwaqt li ddeskrivih bħala att ta’ tkasbir lejn ir-reliġjon Iżlamika bħala reazzjoni għall-qtil terrorista ta’ qassis fi Franza. Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li dan l-att huwa r-raġuni għalfejn l-Oppożizzjoni ma qablitx mal-Gvern li webbes rasu biex ineħħi r-reat ta’ vilifikazzjoni tar-reliġjon mill-liġi. Hu qal li bil-liġi li biddlu Joseph Muscat u Owen Bonnici, issa, l-Pulizija ma tistax tressaq in-nies il-Qorti b’rabta ma’ dan il-każ. Hu sostna li r-raġuni li l-Partit Nazzjonalista nsista li din il-liġi ma titneħħiex hi proprju minħabba s-sigurtà ta’ pajjiżna.
//= $special ?>