Ħidma mill-MEP Roberta Metsola kienet kruċjali fit-twettieq ta’ dan il-pjan
Fl-ewwel nofs tal-2017 Malta se tibda tuża s-sistema AMBER Alert li se tippermetti lill-Pulizija tagħmel użu minn arranġament strutturat, effiċjenti u rapidu biex tgħarraf lill-pubbliku meta jkun hemm il-biża’ li tifel jew tifla maħtufin jew neqsin ikunu f’periklu imminenti.
B’din is-sistema, in-nies se jkunu f’pożizzjoni aħjar biex jgħinu lill-Pulizija biex tfal neqsin li jkunu f’riskju serju u imminenti, jinstabu malajr kemm jista’ jkun.
Kull sena fl-UE jiġu rrappurtati neqsin 250,000 tifel u tifla. F’76% tal-każijiet ta’ tfal li jinħatfu u jinqatlu, il-qtil iseħħ f’temp ta’ tliet sigħat minn mindu jsir il-ħtif.
Waqt żjara ta’ kortesija li l-President tal-AMBER Alert Europe għamel lill-Ministru Carmelo Abela, il-Ministru qal li l-kwistjoni tat-tfal li jinħatfu jew jonqsu dejjem ngħatat l-ogħla prijorità mill-Korp tal-Pulizija.
Hu faħħar lill-Membri Parlamentari Ewropej Roberta Metsola u Miriam Dalli li kienu fuq quddiem nett fost grupp ta’ membri tal-Parlament Ewropew li taw bidu għal dikjarazzjoni bil-miktub sabiex jitwettaq pjan li ppreżentat l-AMBER Alert Europe bl-għan li fl-Unjoni Ewropea jkollna protezzjoni aħjar għat-tfal neqsin li jkunu f’periklu imminenti.
//= $special ?>