Lokali

Sirjan li nqabad jivjaġġa lejn Malta b’passaport falz akkużat b’terroriżmu

Sirjan li f’Novembru li għadda nqabad fl-Italja jipprova jaqbad ajruplan lejn Malta b’passaport falz, kien filfatt membru tal-ISIS u kien daħal fl-Ewropa bil-għan li jikkommetti atti vjolenti ta’ terroriżmu.

The Malta Independent on Sunday irrappurtat kif Qorti fl-Italja ta’ Fuq semgħet l-akkużi kontra Alali Faowaw ta’ 31 sena. F’Novembru li għadda, Faowaw kien arrestat fl-ajruport ta’ Bergamo hekk kif kien ħa jitla’ abbord titjira lejn Malta, ftit qabel il-laqgħa taċ-CHOGM u l-Valletta Summit.

Faowaw kien serva bħala Pulizija tal-Istat Iżlamiku u fil-Qorti fl-Italja qed jiġi akkużat b’akkużi marbuta ma’ terroriżmu. Iżda The Malta Independent qed tirrapporta li, fil-Qorti Taljana, id-difiża ta’ Faowaw qalet li r-raġel ma kellux jitressaq l-Italja iżda s-Sirja.

B’kollox kienu żewġ Sirjani li kienu arrestati f’Bergamo f’Novembru li għadda. Fuqhom kienu nstabu ritratti b’sinjali tal-ISIS.

L-arresti f’Bergamo, kif ukoll arresti ta’ persuni oħra li kienu qed jipprovaw jivjaġġaw lejn Malta b’dokumenti foloz minn postijiet oħra, fosthom mill-ajruport ta’ Ciampino f’Ruma, qajjmu biża’ hekk kif Malta kienet qed tħejji biex torganizza ċ-CHOGM u l-Valletta Summit; żewġ laqgħat internazzjonali li raw diversi mexxejja internazzjonali f’pajjiżna.

Wara l-arresti f’Bergamo, il-Prim Ministru Joseph Muscat kien qal, f’kummenti ma’ NETnews, li l-Gvern ma kellux informazzjoni li l-irġiel huma marbuta mal-ISISu li kien lest li jħassar iċ-CHOGM li kieku kien hemm xi theddida kredibbli.

Aktar: Ara x’kien qal il-Prim Ministru wara l-arrest ta’ dan is-Sirjan f’Bergamo

Intant, il-każ ta’ Faowaw fil-Qorti Taljana jorbot ma’ arrest fl-Italja ta’ raġel mis-Somlaja li hu maħsub li għen mal-250 persuna jiksbu dokumenti foloz biex jivjaġġaw lejn Malta.