Is-Servizz tas-Sigurtà Malti u t-Taqsima ta’ Kontra t-Terroriżmu fi ħdan il-Pulizija kontinwament qed jirċievu data u informazzjoni mill-aktar sensittiva dwar il-moviment ta’ persuni li għandhom lenti fuqhom biex kemm-il darba jirfsu gżiritna, allura l-Pulizija Ewropea tkun alertjatha dwar dan.
Dan ġie żvelat mill-gazzetta Il-Mument fejn spjegat li sorsi li tkellmu magħha qalu li Malta, għalkemm meqjusa bħal destinazzjoni sigura, mhux eskluż li jkun hemm min juża lil pajjiżna biex jgħaddu minnu. “Malta, pont bejn il-kontinent Afrikan u dak Ewropej, faċilment tista’ tintuża biex barranin jidħlu f’pajjiżna ħalli mbagħad jidħlu fil-qalba tal-Ewropa. Fix-xhur li għaddew rajna b’mod ripetut sistemi organizzati tajjeb ħafna biex barranin daħlu f’pajjiżna sempliċiment fi triqithom lejn il-qalba tal-Ewropa b’rotot mill-Alġerija u l-Libja.”
F’Malta kemm is-Servizz Sigriet, kemm il-Pulizija u anki sa ċertu punt l-Armata – ilkoll forzi direttament involuti fil-ġlieda kontra t-terroriżmu – għandhom mezzi tassew limitati f’dan ir-rigward. Iżda l-informazzjoni li qed jirċievi s-Servizz tas-Sigurtà hija mill-aktar importanti minħabba li tikkonċerna l-moviment ta’ persuni kkunsidrati bħala perikolużi.
Kontrolli kbar fl-ajruport internazzjonali ta’ Malta
Għalkemm apertament ma hemm l-ebda theddida ta’ terroriżmu fil-gżejjer Maltin, il-Forzi tas-Sigurtà qed ikomplu jissikkaw dejjem aktar il-miżuri ta’ kontroll u sigurtà f’postijiet bħall-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta u fil-Port il-Kbir.
Sorsi li tkellmu ma’ il-Mument qalu li l-forzi tas-sigurtà jinsabu b’seba’ għajnejn fuq is-sitwazzjoni fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta biex ikun assigurat li min jidħol f’Malta jkollu d-dokumenti kollha relatati korretti u awtentiċi. L-istess fir-rigward tal-passiġġieri li jkunu qed iħallu l-gżejjer Maltin – dawn qed ikomplu jgħaddu minn zona fl-Ajruport fejn ikunu fiżikament iċċekkjati biex ikun assigurat li dawn ma jkunu qed iġorru xejn illegali fuqhom.
Il-linji tal-ajru li jtiru minn u lejn Mala qed ikomplu jkollhom struzzjonijiet mill-iżjed ċari u diretti li l-passiġġieri li jtellgħu abbord irid ikollhom id-dokumenti kollha tal-ivvjaġġar fuqhom. Ħadd ma jitħalla jitla’ abbord l-ajruplan jekk ma jkunx identifika u ppreżenta hu stess il-bagalji tal-ivvjaġġar tiegħu u jekk id-dokumenti tal-ivvjaġġar tiegħu ma jkunux awtentiċi.
Fil-jiem li għaddew kien hemm titjiriet minn Katanja lejn Malta li ttardjaw xi ftit minħabba li nstab li kien hemm xi passiġġieri li ma kellhomx id-dokumenti kollha korretti. F’każ partikolari l-bagalji tal-passiġġieri kienu tgħabbew kollha, iżda kien deċiż li dawn jerġgħu jitniżżlu u jkunu identifikati mill-ġdid mill-passiġġieri kollha.
Fil-Port il-Kbir għad fadal aktar miżuri x’jiddaħħlu
L-uġigħ ta’ ras tal-awtoritajiet tas-sigurtà huma fir-rigward tal-Port il-Kbir fejn jidher li hemm ħafna xogħol xi jsir fuq il-passiġġieri li jkunu deħlin jew ħerġin minn Malta biex il-kontrolli jkunu aktar effettivi.
Lil hinn mill-allegat importazzjoni tad-droga b’mezzi differenti, sorsi fil-qasam tas-sigurtà qalu lil il-mument li fil-Port fadal numru ta’ miżuri xi jsiru għal aktar serħan il-moħħ.
Il-problema fir-rigward tal-Port hi li l-passiġġieri li jkunu qed jużaw il-mezzi ta’ trasport ikunu qed jagħmlu dan wara li jkunu diġà daħlu fiz-zona Schengen u għalhekk il-kontroll fuq dawn il-passiġġieri jkun diġà sar.
Ħidma diffiċli għall-forzi tal-ordni
L-istess gazzetta qalet li hi nfurmata li l-attentati terroristiċi tal-aħħar ġimgħat, anki fi bliet meqjusa pjuttost bħala bliet siguri, komplew iqajmu s-suspett li llum fl-Ewropa l-ebda post ma hu ħieles mit-theddida tat-terroriżu. “Dan qed iġib piż kbir fuq il-forzi tal-ordni f’kull pajjiż li jara x’jista’ jagħmel biex ikun qabel it-terroristi biex jekk ikun possibbli attentati ta’ dan it-tip ikunu antiċipati. Qed jirriżulta f’diversi bliet li mhux dejjem il-forzi tas-sigurtà qed jirnexxielhom irażżnu fil-ħin lit-terroristi bil-konsegwenzi jkunu li t-terroristi jippersistu bil-pjan tagħhom li jħalli għadd ta’ ċivili mejta intortament.”
//= $special ?>