Lokali

Żewġt irġiel jispiċċaw l-isptar wara li dinghy ħa n-nar

Żewġt irġiel wieħed ta’ 28 sena residenti l-Marsa u ieħor ta’ 33 sena li joqgħod Ħaż-Żebbuġ ġew iċċertifikati li jinsabu f’qagħda medika kritika wara li l-Ħadd għal ħabta tas-siegħa waranofsinhar seħħ inċident fil-bajja tal-Armier limiti tal-Mellieħa.

L-irġiel kienu qed jippruvaw jixgħelu l-mutur ta’ dinghy li kienu fuqu, meta għal xi raġuni d-dinghy li kienu fuqu ħa nar bil-konsegwenza li t-tnejn li huma sofrew xi ħruq.

Il-vittmi ngħataw l-ewwel għajnuna mill-qraba tagħhom stess u ttieħdu fiċ-Ċentru tas-Saħħa tal-Mosta għall-kura fejn minnufih ittieħdu l-Isptar Mater Dei permezz ta’ ambulanza.

Bil-każ ġiet infurmata l-Maġistrat tal-Għassa Natasha Galea Sciberras li ordnat li ssir inkjesta u ħatret diversi esperti sabiex jassistuha.

L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.