Internazzjonali

Arrest importanti fil-ġlieda kontra l-frodi fuq l-internet

Raġel Niġerjan, il-moħħ wara ħafna skemi ta’ frodi fuq l-internet, kien arrestat f’Port Harcourt. L-aħbar inħarġet mill-Interpol.
Ir-raġel, magħruf bħala “Mike”, kien imexxi grupp ta’ 40 persuna u hu stmat li daħħal mas-60 miljun dollaru minn skemi ta’ frodi fuq l-internet.
Fost l-affarijiet, il-grupp immexxi minn dan in-Niġerjan kien jibgħat emails lin-nies b’wegħda ta’ flus jekk jagħtu dettalji personali, viruses biex jinfettaw il-kompjuters biex imbagħad jittieħdulhom id-dettalji personali u proposti ta’ imħabba biex imbagħad il-vittma jiġi misruq jew rikattat.
L-arrest tiegħu seħħ b’koperazzjoni bejn l-Interpol u t-taqsima ta’ kontra l-frodi fin-Niġerja. Fi stqarrija, l-Interpol qalet li f’każ wieħed, persuna kienet ingannata biex toħroġ 1.5 miljun dollaru.
L-Interpol qalet li dan l-individwu kien imexxi wkoll sistema ta’ riċiklaġġ ta’ flus fiċ-Ċina, l-Ewropa u l-Istati Uniti.