Joseph Muscat reġa webbes rasu u tilef ċans li jaħtar il-Kummissarju tal-Pulizija b’kunsens.
Laurence Cutajar dalgħodu nħatar Kummissarju tal-Korp tal-Pulizija wara li f’dawn l-aħħar tliet xhur serva bħala Aġent Kummissarju tal-Pulizija. Huwa inħatar b’effett immedjat mil-lum l-1 ta’ Awwissu 2016.
L-ittra tal-ħatra ġiet ippreżentata mill-Ministru ghall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali Carmelo Abela fil-Ministeru l-Belt Valletta, wara li l-Prim Ministru approva din il-ħatra.
Fi stqarrija l-Partit Nazzjonalista qal li permezz ta’ din il-ħatra ta’ Lawrence Cutajar bħala l-ħames Kummissarju tal-Pulizija f’din il-leġiżlatura, il-Prim Ministru Joseph Muscat reġa webbes rasu u tilef ċans li jaħtar il-Kummissarju tal-Pulizija b’kunsens.
Meta tliet xhur ilu rriżenja Michael Cassar minn Kummissarju tal-Pulizija, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil kien għamel il-proposta biex il-Kummissarju tal-Pulizija l-ġdid jinħatar b’maġġoranza ta’ żewġ terzi fil-Parlament sabiex ikun persuna li jgawdi l-fiduċja ta’ kulħadd.
Iżda Muscat ma jinteressahx li l-Kummissarju jgawdi l-fiduċja ta’ kulħadd. Minflok, webbes rasu u għażel persuna li l-unika kwalifika tiegħu hija li huwa ħabib tal-Prim Ministru. Għal darb’oħra, Muscat reġa’ għażel ħażin għax flok ħares l-interess nazzjonali, ħares biss l-interessi tiegħu.
Jekk il-Kummissarju l-ġdid irid jittieħed bis-serjetà, l-ewwel ħaġa li għandu jagħmel hija li jinvestiga liċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri u lill-Ministru Konrad Mizzi li nqabdu li fetħu kumpaniji sigrieti fil-Panama biex fihom jitfgħu s-senserija.
Ritratt: John Pisani – MHAS
//= $special ?>