Ftit ġranet biss wara li Joseph Muscat u Owen Bonnici webbsu rashom u neħħew mil-Liġi ta’ Malta l-vilifikazzjoni tar-Reliġjon, f’pajjiżna seħħ każ li jispjega bl-aktar mod ċar ir-raġuni għalfejn kien żball li din il-Liġi tneħħiet.
Fi stqarrija f’isem ix-Shadow Minister għall-Ġustizzja Jason Azzopardi, il-Partit Nazzjonalista fakkar kif l-Oppożizzjoni vvutat kontra t-tneħħija tar-reat tal-vilipendju tar-Reliġjon minħabba li t-tneħħija ta’ dan ir-reat mil-Liġi jista’ jkun ta’ theddida għas-sigurtà ta’ pajjiżna.
Il-Partit Nazzjonalista fakkar kif fi stadju tal-Kumitat tal-Abbozzi, l-Oppożizzjoni nsistiet li temenda l-Liġi biex tingħata l-istess protezzjoni lir-Reliġjonijiet kollha, inkluż lil individwi atei, iżda l-Gvern baqa’ jwebbes rasu. L-Oppożizzjoni saħansitra nsistiet li l-Liġi tiġi emendata ħalli ma tkunx tgħodd għall-artisti fil-ħidma professjonali tagħhom, iżda anke hawn, Muscat u Owen Bonnici baqgħu jwebbsu rashom.
Owen Bonnici hu skorrett meta jgħid li l-Liġi li għadda saħħet idejn il-Pulizija fil-ġlieda kontra l-vilifikazzjoni tar-Reliġjon għax dak li għamel Owen Bonnici fil-Parlament hu totalment il-kontra ta’ dak li qed jiprova jgħid illum.
Dan juri l-każ klassiku tad-‘double speak’ ta’ Muscat, kompla l-Partit Nazzjonalista, li kompla li Owen Bonnici messu jaf li dak li ġara fi tmiem il-ġimgħa ma kienx każ ta’ intenzjoni għal mibgħeda reliġjuża, iżda każ ċar ta’ tkażbir tar-Reliġjon.
Id-deċiżjoni tar-ras iebsa ta’ Muscat u Owen Bonnici twassal biss biex jiżdied ir-riskju għas-sigurtà ta’ pajjiżna, temmet tgħid l-istqarrija.
//= $special ?>