Is-Sindku tar-Rabat Għawdex Samuel Azzopardi ressaq rikors Kostituzzjonali wara li kawża ta’ libell li fetaħ kontra l-Ministru għal Għawdex Anton Refalo ġiet assenjata lill-Maġistrat Joanne Vella Cuschieri. (fix-xellug tar-ritratt)
Ir-rikors infetaħ wara li l-Maġistrat Vella Cuschieri irrifjutat talba biex tirrikuża ruħha u l-kawża tinstema’ quddiem maġistrat ieħor minħabba nuqqas ta’ imparzjalita’.
L-Avukati Jason Azzopardi u Kris Busietta li qed jidhru għal Samuel Azzopardi qalu li din il-kawża hi waħda ta’ libell miftuħa minn politiku ta’ partit kontra ministru li hu politiku ta’ partit ieħor, u din il-kawża ġiet assenjata lil Maġistrat li sa ftit xhur qabel, kienet attiva ferm fil-Partit Laburista tant li kienet kandidat fl-aħħar elezzjoni ġenerali.
Ir-rikors jiġbed l-attenzjoni wkoll għal dikjarazzjoni li kienet għamlet Joanne Vella Cuschieri waqt konferenza ġenerali tal-Partit Laburista fl-2012 fejn iddikjarat pubblikament li minn dejjem trabbiet f’ambjent favur il-Partit Laburista u li dakinhar stess ħassitha iktar minn qatt qabel konvinta tgħid “Viva l-Labour” kif kienu għallmuha l-ġenituri tagħha.
Hu propju minħabba dawn iċ-ċirkostanzi u fuq bażi ta’ għexieren ta’ sentenzi, kemm fil-Qrati Maltin kif ukoll fil-Qorti Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem, li Samuel Azzopardi għamel it-talba biex il-Maġistrat Vella Cuschieri tirrikuża ruħha.
Il-konklużjoni komuni f’dawn is-sentenzi hi li jekk jeżistu fatti li jistgħu ipoġġu dubju fuq l-imparzjalita’ ta’ ġudikant u allura anki jekk ikun hemm biss apparenza ta’ parzjalita’, huwa neċessarju li l-ġudikant jirrikuża ruħu sabiex ma tkunx mittiefsa l-fiduċja tas-soċjeta’ fis-sistema ġudizzjarja.
Ir-rikors ikompli li Samuel Azzopardi ma setax ma jinnutax ir-risposta li ngħatat mill-Maġistrat Vella Cuschieri għat-talba biex tirtira mill-kawża fit-22 ta’ Lulju li għadda. Dakinhar, il-Maġistrat Vella Cuschieri staqsiet lil Azzopardi jekk hux se jitlob lill-Maġistrat Paul Coppini biex jirrikuża ruħu għax kien kandidat tal-Partit Nazzjonalista kważi 30 sena ilu.
L-Avukati Azzopardi u Busietta qalu li din il-mistoqsija tittradixxi n-nuqqas ta’ imparzjalita’ u kkonferma l-element politiku partiġġjan li jittradixxi l-prinċipji kardinali tal-ġustizzja.
Għaldaqstant, Samuel Azzopardi jsostni li jekk il-kawża ta’ libell kontra l-Ministru Anton Refalo tibqa’ tinstema’ quddiem il-Maġistrat Joanne Vella Cuschieri, il-kawża tkun nieqsa mid-dritt fundamentali ta’ smiegħ xieraq.
L-Avukati Jason Azzopardi u Kris Busietta iffirmaw ir-rikors Kostituzzjonali.