Ċerimonja ta’ Funeral għal Ċiniż wasslet għal kontroversja fuq il-media soċjali wara li l-Aħħar Tislima kienet xi ftit aktar ‘ikkulurita’ minn ta’ oħrajn u mill-mod tradizzjonali kif nafuha aħna.
Dan wara li għall-Funeral ta’ “Mr Jian”, kienu mistiedna żewġ strippers li, għall-kanzunetta “Moves Like Jagger” ta’ Maroon 5, taw ‘spettaklu’ ad unur Jian. Waħda minnhom anke żifnet b’mod senswali fuq it-Tebut, bir-ritratt tal-mejjet beda jiġi proġettat fuq screen kbir.
F’pajjiżi bħaċ-Ċina jingħad li Funeral b’ħafna nies ifisser li l-mejjet kien rispettat ħafna. Għaldaqstant, qed jingħad li din id-drawwa ġdida ddaħħlet biex aktar nies jattendu għall-Aħħar Tislima.
Wara l-ispettaklu mill-istrippers, quddiem il-qraba u l-ħbieb, il-Funeral tkompla b’mod privat u aktar tradizzjonali f’ċerimonja solenni.
Il-preżenza ta’ strippers tidher li qed issir xi ħaġa regolari fiċ-Ċina u anke f’Tajwan. Madankollu, l-awtoritajiet lokali qed jagħmlu l-almu tagħhom biex jaraw li dawn il-prattiċi jinqatgħu malajr kemm jista’ jkun.
Fil-fatt, il-Ministeru Ċiniż tal-Kultura ġie kkwotat jgħid li s-sena li għaddiet saru numru ta’ arresti wara żewġ każijiet oħrajn simili. Il-Ministeru qal li dawn huma prattiċi “mhux ċivilizzati”.
AVVIŻ: Il-filmat jinkludi kontenut grafiku li jista’ jdejjaq lil xi nies