Lokali

Il-Korp tal-Pulizija jikkonferma li n-Nutar Hili tneżża’ darbtejn waqt li kien miżmum fid-Depot

Il-Korp tal-Pulizija kkonferma l-istorja żvelata fil-ħarġa tal-bieraħ tal-gazzetta Il-Mument meta kkonferma li n-Nutar Anthony Hili tneżża’ darbtejn minn ħwejġu waqt li kien miżmum mill-Pulizija fil-Kwartieri Ġenerali fil-Furjana.

Il-Mument ilbieraħ irrapporta li n-Nutar Hili, li ħadem fuq il-kuntratti fil-każ tal-propjetà fi Strada Zekka, kien ikollu pressjoni minn Clint Scerri, li jaħdem fis-Segretarjat Privat tal-eks Segretarju Parlamentari Michael Falzon.

Il-gazzetta kompliet tiżvela li waqt l-interrogazzjonijiet, Hili qal lill-Pulizija kif Clint Scerri kien mibgħut mill-Ministeru u kien jagħmel pressjoni kbira fuqu. Qal li Scerri kien involva lilu nnifsu meta nbidel is-Segretarju Parlamentari u kien inħatar Michael Falzon.

Fi tweġiba bi dritt skont il-Liġi tal-Istampa, il-Korp ikkonferma li saru żewġ tfittxijiet fuq il-ġisem tan-Nutar Hili għax iddaħħal darbtejn fil-Lock-up. Iżda minkejja li l-Korp xtaq jikkjarifika li din il-proċedura ilha stabbilita “għal diversi snin”, ma ċċarax kemm-il każ kien hemm fejn persuna li qed tinżamm għall-investigazzjonijiet tneżżgħet aktar minn darba.

Il-Korp tal-Pulizija ċċara wkoll li n-Nutar Hili ma ġiex mitkellem fil-kapaċità tiegħu ta’ Nutar tal-Gvern, iżda ta’ Nutar fi ħdan id-Dipartiment tal-Artijiet.

 

It-tweġiba kollha mibgħuta mill-Korp tal-Pulizija hi din:
Il-Korp tal-Pulizija, jixtieq jikkjarifika li kuntrarjament għal dak li hemm miktub fl-imsemmija artikoli, l-uffiċjali tal-Pulizija, kemm dawk investigattivi kif ukoll dawk fil-‘Lock-up’ tal-Kwarteri Ġenerali, imxew f’dan il-każ skont il-proċeduri stabbiliti, uħud minnhom għal diversi snin.

Tajjeb li jingħad mill-bidu, li n-Nutar Hili, ma ġiex mitkellem fil-kapaċita` tiegħu ta’ nutar tal-Gvern, imma ta’ nutar li jaħdem mad-Dipartiment tal-Artijiet. Mal-mument tal-arrest tiegħu, u peress li l-pożizzjoni tiegħu kienet meqjusa bħala ta’ suspettat, l-istess nutar ingħata d-drittijiet tiegħu kollha skont il-liġi mill-uffiċjali investigattivi.

Fil-kors ta’ din l-investigazzjoni, u bħala parti mill-proċeduri interni tal-Pulizija, in-Nutar Hili ġie irreġistrat mal-Lock-Up tal-Kwartieri Ġenerali, fejn hawnhekk l-uffiċjali tad-detenzjoni ukoll imxew miegħu skont il-proċeduri li hemm fis-seħħ. Għaldaqstant u għall-benifiċju tal-qarrejja tiegħek, tajjeb li wieħed jispjega li skont kif jiġri ma’ kull detenut, għall-ġid kemm tal-persuna ikkonċernata, kif wkoll għas-saħħa u s-siġurta` ta’ l-istess uffiċjali tad-detenzjoni, persuna arrestata ssirilha tfittxija fuq il-persuna tagħha, liema tfittxija isir bil-magħluq, f’kamra apposta, u minn uffiċjal tal-istess sess. Wieħed irid jgħid li din it-tfittxija ssir bid-dinjita` kollha lejn il-persuna kkonċernata. Kull meta l-persuna detenuta toħroġ mil-‘Lock-up’ u terġa tiddaħħal fih, din il-proċedura, terġa’ tiġi rrepetuta.

Tajjeb li wieħed ifakkar ukoll, li skont il-liġi, persuna arrestata ma għandhiex dritt li personalment ikollha kuntatt mal-familjari tagħha, jew ma’ persuni oħra, ħlief mal-avukat tagħha qabel ma tiġi interrogata. Ma’ dana kollu persuna arrestata tingħata d-dritt li, jekk trid hi biss, permezz tal-uffiċjali tad-detenzjoni, ikun infurmat bl-arrest tagħha, persuna tal-għażla tagħha. In-Nutar Hili ingħata dan id-dritt, u fuq għażla tiegħu stess, il-familjari tiegħu ġew infurmati bl-arrest tiegħu telefonikament skont il-liġi. Wieħed irid japprezza li għall-raġunijiet ovvji, persuna taħt arrest ma titħalliex iżżomm apparat telefoniku jew kull xorta ta’ apparat ta’ komunikazzjoni.

Il-Korp jikkonferma li waqt il-ħin tad-detenzjoni tiegħu, in-Nutar Hili ttieħed fiċ-Ċentru tas-Saħħa tal-Floriana u li hu ġie trattat dejjem b’mod prudenti u uman tul l-interrogazzjoni tiegħu, liema interrogazzjoni ġiet meħuda b’forma awdjoviżiva u li tagħha l-istess Nutar Hili ngħata kopja.

Il-Korp ifakkar li l-proċeduri rigward iż-żamma ta’ persuni fil-‘Lock-up’ tal-Kwartieri Ġenerali ġew evalwati riċentament mill-Kumitat Dwar il-Prevenzjoni tat-Tortura li kienu hawn Malta fuq żjara uffiċjali f’Settembru tas-sena l-oħra. Dawn il-proċeduri ġew mogħtija ċertifikat tajjeb peress li jirrispekkjaw bis-sħiħ il-proċeduri stabbiliti fil-Konvenzjoni Ewropeja dwar il-Prevenzjoni tat-Tortura.