F’Lulju, grupp ta’ żgħażagħ mill-YMCA tal-Ungerija rritorna Malta biex jingħaqad ma’ membri tal-Grupp tal-Iscouts ta’ Ħad-Dingli bħala parti mill-proġett Action for Nature li għandu liskop li jġib flimkien żgħażagħ għall-ħarsien tan-natura.
Iż-żgħażagħ Maltin u barranin ta’ etajiet li jvarjaw bejn l-14 u l-20 sena, ħadmu flimkien biex joħolqu seating areas bil-bankijiet fir-Riserva Naturali tas-Simar immexxija minn BirdLife Malta, u ħolqu wkoll ‘wildlife explore area’ biex titgawda mill-istudenti u l-familji li jkunu qed jitgħallmu dwar in-natura waqt iż-żjarat fir-riserva.
Il-grupp ħa sehem ukoll f’sensiela ta’ development workshops intiżi li jtejbu l-ħiliet tal-parteċipanti fit-team work, fil-public speaking u fil-leadership.
F’kummenti dwar il-proġett, Karl Zammit – wieħed mill-parteċipanti mid-Dingli Scout Group – iddeskriva din l-esperjenza bħala waħda utli u qal li matul il-kamp il-parteċipanti setgħu jsiru jafu aħjar lil xulxin u jiżviluppaw f’tim b’saħħtu li kien qed jaħdem fuq għan wieħed. Hannah Chisholm, l-Education Manager ta’ BirdLife Malta li kienet ukoll wieħed mil-leaders tal-proġett, sostniet li ż-żewġ gruppi ta’ żgħażagħ urew team work qawwi u kompliet tgħid li kienet impressjonata bit-titjib li sar fir-Riserva Naturali tas-Simar.
Il-proġett Action for Nature, li hu mifrux fuq perjodu ta’ 20 xahar, jipprovdi opportunitajiet ta’ parteċipazzjoni attiva, skambju bejn iż-żgħażagħ u impenn soċjali lil dawk li jieħdu sehem fih, jiġifieri żgħażagħ ta’ bejn it-13 u t-22 sena.
L-iskop aħħari tal-proġett hu li jimmotiva lill-parteċipanti biex ikomplu jinvolvu rwieħhom fil-ħarsien tal-ambjent u fl-istess ħin jagħtihom il-ħiliet meħtieġa biex jagħmlu dan. Fl-2017, bħala parti minn dan il-proġett, se jsiru żewġ skambji oħra internazzjonali għal żgħażagħ minn Malta, l-Ungerija u n-Norveġja.
//= $special ?>