Internazzjonali

Ċivili x’aktarx li attakkati bil-klorin f’belt tas-Sirja

Numru ta’ tobba u skwadri għall-emerġenza fil-provinċja Sirjana ta’ Idlib qalu li kontenituri suspettati li kien fihom il-gass klorin twaddbu għal fuq residenti fil-belt ta’ Saraqeb.

Mhux ċar min kien responsabbli għal dan l-attakk li seħħ qrib l-inħawi fejn, sigħat qabel, ir-ribelli ta’ kontra l-Gvern Sirjan kienu waqqgħu ħelikopter tar-Russja għat-trasport militari. Madwar ħames membri tal-ekwipaġġ tal-ħelikopter kienu mietu fl-inċident meta mhumiex magħrufa ċ-ċirkostanzi li wasslu għall-qerda tal-ħelikopter.

Ir-rapporti qalu li tal-anqas 30 persuna, fil-parti kbira nisa u tfal, spiċċaw affettwati fl-attakk ‘bil-klorin’. Dan meta l-qawwiet tal-Gvern u r-ribelli involuti fil-konflitt ċivili tas-Sirja kienu akkużati kemm-il darba dwar l-użu ta’ aġenti kimiċi waqt il-gwerra.

Intant, it-tobba fl-inħawi ta’ Saraqeb qalu li almenu żewġ kontenituri tal-klorin kienu twaddbu fuq il-belt ‘fejn ħafna nies huma familjari mal-gass u s-sintomi tiegħu wara li ġarrbu minn dawn l-attakki fil-passat’.

Kelliema għad-Difiża Ċivili tas-Sirja, li hi organizzazzjoni ta’ ħaddiema tas-salvataġġ li jaħdmu fuq bażi voluntiera, ukoll jissuspettaw li l-kontenituri kien fihom il-klorin iżda ma setgħux jikkonfermaw dan bħala ‘fatt konkret’.