Ritratt fuq: L-artiklu ppubblikat fil-ġurnal Times of Malta
Il-ġurnal ‘The Times’ dalgħodu rrapporta kummenti ta’ esperti fil-kimika li qed iwissu li m’għandux jinħaraq logħob tan-nar qrib il-powerstation tal-gass li qed tinbena f’Delimara.
Il-kummenti saru ftit jiem wara li splużjoni heżżet ir-raħal ta’ Marsaxlokk wara li logħob tan-nar sploda, bil-konsegwenza li żewġ persuni weġġgħu fl-isplużjoni.
Aktar: Ara l-mument tal-isplużjoni f’Marsaxlokk
The Times ħadet il-kummenti tar-Rettur tal-Università ta’ Malta Alfred Vella, li huwa wkoll espert fil-kimika, li qal li l-ħruq ta’ logħob tan-nar miż-żona tal-powerstation u t-tanker għandu jkun evitat.
Fl-aħħar jiem, il-Prim Ministru Joseph Muscat u l-Ministru responsabbli mill-Enerġija Konrad Mizzi kienu f’Singapore biex jassistu għat-tluq tat-tanker tal-gass li se jkun sorġut fil-bajja ta’ Marsaxlokk. Il-kuntratt milħuq mill-Electrogas jgħid li t-tanker għandu jissuplixxi l-gass għal 18-il sena sħaħ.
Ma’ The Times, l-espert Alfred Vella jgħid li għalkemm l-impjant u t-tanker tal-gass mhux neċessarjament jintlaqtu jekk ikun hemm xi inċident bil-logħob tan-nar li jinħaraq mill-inħawi, l-inċident li seħħ fil-jiem li għaddew għandu jservi bħala sinjal biex ma jittiħdux riskji.
The Times tikkwota lis-sindku Laburista ta’ Marsaxlokk Horace Gauci jgħid li sakemm kulħadd jimxi mar-regoli, m’għandux ikun hemm problemi biex in-nar ikompli jinħaraq minn fejn qed jinħaraq bħalissa.
It-tanker tal-gass mistenni jasal Malta f’Settembru li ġej, fejn se jkun sorġut għal tmintax-il sena sħaħ, b’periklu għal eluf ta’ familji li jgħixu fin-naħa t’isfel ta’ Malta.
//= $special ?>