Eluf ta’ nies, fosthom distinti, ippakkjaw il-Katidral ta’ Rouen, fin-Normandija, biex isellmu għall-aħħar darba lill-qassis, Jacques Hamel, li l-ġimgħa l-oħra spiċċa maqtul minn żewġ terroristi tal-ISIS li assedjaw il-knisja fejn hu kien qed jiċċelebra l-quddies.
Il-funeral tal-qassis kien ittrattat bħala ‘avveniment għall-qima nazzjonali’, b’folol kbar, fosthom membri tal-kleru, jattendu l-funzjoni u bl-Arċisqof ta’ Rouen imexxi ċerimonja għall-pubbliku li għaliha kien preżenti wkoll il-Ministru Franċiż għall-Intern, Bernard Cazeneuve. Wara ċ-ċerimonja, il-qassis, Jacques Hamel, indifen waqt ċerimonja privata.
Il-qassis kien spiċċa b’għonqu mħanxar miż-żewġ aggressuri żgħażagħ li daħlu fil-knisja wara li kienu ħalfu lealtà lill-ISIS. L-aggressuri – identifikati bħala Abdel Malik Petitjean u Adel Kermiche, it-tnejn ta’ 19-il sena — kienu sfaw maqtula fl-istess jum mill-pulizija barra l-knisja u wara li huma kienu ħatfu xi ostaġġi.
Waqt iċ-ċerimonja funebri tal-bieraħ, tkellmet oħt il-qassis li, fost oħrajn, qalet li ħuha kien għażel triq fil-ħajja fejn seta’ jikkultiva sens ta’ mħabba u tolleranza fost in-nies ta’ kull fidi u denominazzjoni. Hi kompliet li l-messaġġ tal-qassis lil kulħadd kellu jkun biex in-nies jgħixu lkoll flimkien fl-armonija u biex kull wieħed u waħda jagħtu kontribut għall-paċi.
Waqt iċ-ċerimonja funebri spikkat il-preżenza ta’ Musulmani u Lhud fost turija ta’ solidarjetà u ‘sens ta’ dover’.
L-aħħar rapporti qalu li kuġin tat-terrorista Petitjean kien arrestat fuq suspett li kien jaf li l-istess Petitjean kien qed jippjana l-attakk fil-knisja. Intant, raġel ieħor tqiegħed taħt investigazzjoni formali talli allegatament ipprova jivvjaġġa lejn is-Sirja flimkien ma’ Petitjean.
Bħala parti mill-ġlieda kontra r-radikalizzazzjoni, il-Gvern Franċiż ħabbar l-għeluq ta’ 20 moskea waqt li qed jippjana fondazzjoni ġdida biex tipprovdi finanzjament alternattiv għas-siti ta’ devozzjoni għall-Iżlamiċi. Dan fost it-tħassib dwar l-influwenza tal-verżjoni Wahhabi (ultra-konservattiva) tal-Iżlam li qed tippromwovi l-Arabja Sawdija.
//= $special ?>