Lokali

Għaż-żjarat ma’ Muscat dwar l-enerġija, mill-PBS dejjem jattendi Reno Bugeja

Reno Bugeja ntgħażel għaż-żjarat fiċ-Ċina, l-Ażerbajġan u Singapore

Hekk kif fi tmiem din il-ġimgħa, l-Prim Ministru Joseph Muscat, ċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri u l-Ministru responsabbli mill-proġetti tal-enerġija Konrad Mizzi marru s-Singapore biex jaraw it-tanker tal-gass li l-Gvern Laburista se jġib fil-bajja ta’ Marsaxlokk, minn din iż-żjara joħroġ fatt interessanti. Għal kull żjara li Muscat jagħmel dwar l-enerġija, l-ġurnalist li jirrapporta din iż-żjara f’isem l-istazzjon nazzjonali jkun il-Kap tal-Kamra tal-Aħbarijiet tal-PBS Reno Bugeja.

Fil-fatt, Reno Bugeja kien il-ġurnalist li mar ma’ Muscat iċ-Ċina f’Settembru 2013 meta kien hemm it-taħdidiet ma’ Shanghai Electric dwar il-bejgħ tal-Enemalta, mar ukoll l-Ażerbajġan f’April 2015, meta Muscat kellu negozjati mal-President tal-Ażerbajġan Aliyev, u fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet, Reno Bugeja mar ukoll Singapore ma’ Muscat, Schembri u Mizzi.

Il-fatt li għal dawn iż-żjarat – li huma kollha dubjużi minħabba d-deals li qed isiru dwar l-enerġija – dejjem mar Reno Bugeja u ebda ġurnalist ieħor mill-PBS iqajjem ħafna dubji, kif ukoll rabja fi ħdan l-istess PBS.

 

Kurt Reno 2

L-aktar żjara li kienet fl-aħbarijiet kienet dik fl-Ażerbajġan meta l-gazzetta il-Mument żvelat li l-aħbarijiet li kienu qed jixxandru fuq il-PBS kienu qed jintbagħtu mill-Kap tal-Komunikazzjoni tal-Prim Ministru Kurt Farrugia b’email lil Reno Bugeja.

Prime Minister Joseph Muscat at the sail away of ARMADA LNG MEDITERANIA at Keppel shipyard Singapore
Bħalissa, Reno Bugeja jinsab taħt pressjoni kbira, b’mod speċjali wara d-deċiżjoni tal-Awtorità tax-Xandir aktar kmieni din il-ġimgħa li sabet lill-Kamra tal-Aħbarijiet tal-PBS ħatja li għażlet li ma xxandarx kummenti tal-eks Prim Ministru Alfred Sant dwar il-kumpaniji sigrieti ta’ Konrad Mizzi u Keith Schembri – ż-żewġ persuni, li flimkien mal-Prim Ministru qegħdin ma’ Reno Bugeja s-Singapore.

Il-Partit Nazzjonalista ilu għal dawn l-aħħar xhur bi kritika ħarxa għall-aħbarijiet tal-PBS b’akkużi ta’ gatekeeping, jiġifieri li l-PBS jagħżel xi jxandar u ma jxandarx, skont x’impatt se tkun qed tħalli l-aħbar partikolari fuq Kastilja u l-Prim Ministru Joseph Muscat.