Tal-anqas 90 persuna, 50 minnhom tfal, jinsabu għaddejjin minn eżamijiet fi sptar tar-Russja minħabba epidemija tal-anthrax li qatlet, almenu, tifel. L-eżamijiet għaddejjin fit-Tramuntana remota tal-pajjiż, fejn tal-anqas tmienja kienu kkonfermati bħala infettati mill-anthrax li hi marda rari bakterjoloġika.
Jaħsbu li l-element tal-anthrax partikulari nfirex minn speċi ta’ renna meta ’il fuq minn 2,300 tal-ispeċi mietu b’din l-epidemija fir-reġjun ta’ Yamalo-Nenets tas-Siberja.
Intant, kienu evakwati miz-zona l-familji kollha li jżommu l-merħliet tar-renna.
L-esperti qed jgħidu wkoll li l-anthrax kienet xprunata minn mewġa ta’ sħana fl-inħawi, meta t-temperaturi fiz-zona ta’ periklu (li fil-preżent tinsab taħt kwarantina) telgħu għal 35 gradi Celsius.
Sadanittant, ir-Russja bagħtet it-truppi mħarrġin f’sistemi għal kontra gwerra bijoloġika biex jgħinu kemm jistgħu f’din is-sitwazzjoni ta’ emerġenza. L-awtoritajiet qalu li t-tfal tal-familji tar-rgħajja li jieħdu ħsieb ir-renna qed ikunu suġġetti għall-eżamijiet anki jekk dawn it-tfal ma kenux qed juru sinjali ta’ mard.
L-aħħar epidemija ta’ anthrax fir-reġjun speċifiku kienet feġġet fl-1941 u għalkemm l-effetti tal-marda kapaċi jkunu qattiela, mhux soltu li din tinfirex daqshekk malajr.
//= $special ?>