Internazzjonali Kurżitajiet

Idum 10 ijiem jistenniha l-ajruport… thenna jew therra?

Jgħidu li min jistenna jithenna u li sforz l-imħabba persuna tasal tagħmel minn kollox għall-maħbub jew maħbuba tagħha, u saħansitra xi kultant tagħmel affarijiet strambi jew mhux daqshekk komuni. Hekk qed titqies l-istennija ta’ Alexander Pieter Cirk ta’ 41 sena mill-Olanda li għamel 10 ijiem fl-ajruport ta’ Changsha jistenna lil maħbuba tiegħu.

Madanakollu, wara 240 siegħa ta’ stennija, Alexander baqa’ ddiżappuntat wara li l-maħbuba tiegħu Zhang ma tfaċċatx.
Mal-midja internazzjonali, Alexander qal li kien iltaqa’ ma’ Zhang, ta’ 26 sena fuq applikazzjoni onlajn u wara xahrejn iddeċieda li jaqbad titjira għal Hunan, iżda hemmhekk ma sab lil ħadd jistennih. Meta ra hekk, hu ddeċieda li jibqa’ jistenna, jittama li xi darba se titfaċċa t-tfajla tiegħu wara li ħaseb li din kienet biss ċajta. Iżda wara 10 ijiem, ir-raġel ittieħed l-isptar minħabba li kien qed isofri minn għejja fiżika.

Min-naħa tagħha, meta Zhang tkellmet mal-midja qalet li meta hu bgħatilha ritratti tal-biljetti tal-ajru ħasbet li kien qed jiċċajta. Tgħid li minn dakinhar ‘l hemm ma kienx reġa’ għamel kuntatt magħha.