Qed jidher li rnexxa l-ewwel intervent militari li l-Istati Uniti mexxiet kontra l-ISIS fil-Libja, b’kordinazzjoni mal-Gvern Libjan għall-Għaqda. Dan meta, fi kliem il-Pentagon Amerikan, intlaqtu numru ta’ interessi tat-terroristi fil-Libja, waqt l-attakki mill-ajru speċifiċi.
Filwaqt li l-potenzi tal-Punent qed isiru dejjem aktar preokkupati dwar il-preżenza tal-ISIS fil-Libja, il-Prim Ministru Libjan, Fayez al-Sarraj, qal li ‘l-ISIS ġarrbu telfiet kbar fl-attakki tat-Tnejn’ li kienu awtorizzati mill-President tal-Istati Uniti Barack Obama.
Intant, stqarrija mill-Pentagon ta’ Washington sostniet li ‘dawn l-azzjonijiet u oħrajn li ttieħdu fil-jiem preċedenti għandhom jiċħdu lill-ISIS milli jsaħħu l-fortizzi tagħhom fil-Libja, minn fejn jistgħu jolqtu lill-Istati Uniti u l-alleati tagħha’.
Fayez al-Sarraj, li qed imexxi lill-Gvern Libjan għall-Għaqda li għandu l-appoġġ tan-Nazzjonijiet Uniti, fl-aħħar sigħat, żar il-kwartieri ġenerali għall-kmand tal-operazzjoni militari ta’ Sirte. Hu, hemmhekk, iltaqa’ mal-kapijiet militari ewlenin f’din il-belt li tinsab bejn Benghazi u l-kapitali Libjana Tripli.
Il-belt ta’ Sirte illum hi magħrufa bħala fortizza tal-ISIS u l-qawwiet tal-ajru tal-Istati Uniti, nhar it-Tnejn, ikkonċentraw fuq pożizzjonijiet tal-istess terroristi f’din il-belt, fuq it-talba speċifika tal-Gvern ta’ al-Sarraj. Jidher ukoll li l-Istati Uniti, issa, qed tirranka kampanja tal-ajru kontinwa intiża biex tkisser il-kapaċitajiet tal-ISIS fl-inħawi ta’ Sirte.
//= $special ?>