Lokali

Il-Kamra tal-Avukati titlob riforma

Fi stqarrija il-Kamra tal-Avukati qalet li b’referenza għall-artikolu, “Lawyer accused of showing off with the law”, li ġie ppubblikat fil-ħarġa tat-30 ta’ Lulju 2016, ta’ The Times of Malta, u tesprimi d-diżappunt estrem tagħha għal mod ta’ kif membru tal-avukatura ġie attakat min-chairperson t’awtorità pubblika, fil-kors tal-qadi tad-doveri professjonali tiegħu. Il-Kamra tal-Avukati qalet li tixtieq tfakkar li f’Malta tapplika r-rule of law u għalhekk il-Liġi tapplika bl-istess mod kullimkien.

L-istqarrija kompliet billi qalet li l-ebda bord, kummissjoni jew organu pubbliku simili, ma għandu l-jedd jew il-poter li jiddispensa milli jisma argumenti legali, għax skont hu dawn huma argumenti li għandhom isiru biss fil-qorti. Il-Liġi hija l-unika kriterju oġġettiv li fuqu korp kwasi-ġudizzjarju għandu jiddeċiedi – kwalunkwe deċizjoni msejsa biss fuq id-diskrezzjoni ta’ ġudikant mingħajr l-appoġġ tal-liġi tammonta għal vjolazzjoni cara tar-rule of law għaliex ħadd ma jista’ jpoggi lilu nnifsu ‘l fuq mil-Ligi.

Il-Kamra qalet li l-ebda avukat m’għandu jiġi attakkat talli jqajjem argumenti ta’ natura legali fi proċeduri fejn ikun qed jassisti klijent tiegħu. L-ebda bord, kummissjoni jew organu simili ma jista’ jkun ġustifikat li jqis talba għar-rikuza bħala affront personali, wisq inqas m’ghandu tali bord, kummissjoni jew organu simili jirreaġixxi għal talba għar-rikuza billi jhedded lil min ikun ghamilha bi tkeċċija mill-proceduri.

Hija qalet li dawn huma prinċipji bażici u elementari, li l-Kamra tal-Avukati tħoss li hija sfortuna illi fl-2016, ikollha tirribadixxi pubblikament prinċipji daqshekk fondamentali ta’ l-kultura ta r-rule of law f’pajjizna, għax dawn l-istess prinċipji qed jigu skartati minn min ikun qed jippresjedi, minħabba nuqqas ta’ preparazzjoni fil-prinċipji bażiċi tal-Liġi jew, potenzjalment minħabba mera t’arroganza.

Il-Kamra tal-Avukati saħqet li ċertu agir mhux tollerabbli u juri li hemm bzonn immedjat sabiex il-Kummissjoni tal-Ippjanar, kif ukoll bordijiet, kummissjonijiet u organi oħra simili li għandhom funzjonijiet ġudizzjarji jew kwasi ġudizzjarji, jiġu riformati sabiex jiġi assigurat li min ikun qed jippresjedihom, jew almenu wieħed mill-membri li jkunu qed jippresjedu, ikollu kemm il-maturità kif ukoll l-għarfien legali meħtieg sabiex inċidenti bħal dak rapportat kemm jekk rizultat ta’ nuqqas ta’ matirità kemm jekk rizultat ta nuqqas ta’ preparazzjoni għall-kariga, ma jirripetux ruħhom.

Hija għalqet billi qalet li jekk ir-riformi ma jsirux mil-legislatur, fl-aħħar mill-aħħar, ser ikollhom ikunu l-qrati li jintalbu jagħtu rimedju.