Ambjent Lokali

L-għaqdiet ambjentali jappellaw għall-appoġġ tal-pubbliku dwar il-permessi għall-bini għoli

L-għaqdiet ambjentali Flimkien għal Ambjent Aħjar, Din l-Art Ħelwa, Friends of the Earth (Malta) u r-Ramblers qed jappellaw lill-pubbliku biex jattendi għas-seduta tal-Awtorità tal-Ippjanar li se ssir il-Ħamis li ġej. Dan hekk kif fis-seduta tal-Ħamis mistenni jkun diskuss il-permess għall-bini ta’ torrijiet fl-Imrieħel.

Fi stqarrija f’isem l-għaqdiet l-oħrajn, Flimkien għal Ambjent Aħjar qalet li bini għoli ma jistax jitqabbel ma’ bini ġdid fil-kampanja għax dawk li jridu jgħaddu ftit jiem fil-kampanja mhux se jfittxu xi binja għoli minflok. L-ammont akbar ta’ applikazzjonijiet għal żvilupp fil-kampanja juri kemm dawn iż-żoni huma aktar imfittxija minn kwalunkwe bini għoli.

Flimkien għal Ambjent Aħjar qalet li minkejja li qed jingħad li pajjiżna għandu bżonn aktar binjiet moderni, l-Awtorità għall-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) diġà ddikjarat li l-proġetti diġà approvati joffri biżżejjed spazji għall-uffiċċji meħtieġa fis-snin li ġejjin. Barra minhekk, anke l-fatt li l-banek qed ikaxkru saqajhom biex japprovaw finanzjamenti għal tali proġetti juri t-talba limitata għal dawn it-tipi ta’ spazji.

L-għaqda ambjentali sostniet li bil-bini għoli, ir-residenti tal-madwar ibatu minn nuqqas ta’ dawl naturali u arja, hekk kif dawn il-proġetti se jbiddlu wkoll wiċċ Malta għal kollox. Sostniet li dawn se jirrovinaw il-wirt kulturali ta’ pajjiżna, bħax-xena tal-Imdina, u allura anke b’impatt għas-settur turistiku.

Flimkien għal Ambjent Aħjar fakkret kif iż-żona tal-Imrieħel kienet inkluża fil-lista għal bini għoli wara li kien diġà ngħalaq iż-żmien ta’ konsultazzjoni. Għaldaqstant, dan sar mingħajr ir-rieda tal-poplu. Hu għalhekk li appellaw lill-pubbliku biex jirriżerva post għas-seduta tal-Awtorità tal-Ippjanar billi jċempel fuq 2290 2018.