Lokali

L-iskandlu tal-visas mediċi: “Skandlu ieħor b’korruzzjoni minn persuna viċin Muscat u li jpoġġi s-sigurtà ta’ pajjiżna f’riskju”

L-iskandlu tal-visas mediċi qed ikompli jpoġġi s-sigurtà ta’ pajjiżna f’riskju. Il-Viċi-Kap tal-Partit Nazzjonalista Beppe Fenech Adami qal dan waqt konferenza tal-aħbarijiet fid-dawl tal-fatt li l-Prim Ministru Joseph Muscat għadu ma ħax azzjoni dwar Neville Gafà, jumejn wara li l-media indipendenti kixfet l-iskandlu tal-visas mediċi.

L-iskandlu kien żvelat nhar il-Ħadd li għadda mill-gazzetta The Sunday Times of Malta. Fl-iskandlu sar magħruf kif Neville Gafà, uffiċjal f’position of trust fil-Ministeru tas-Saħħa, irċieva ftit inqas minn €38,000 b’mod abbużiv meta nħarġu visas mediċi għal Libjani li applikaw biex jiġu Malta għal raġunijiet mediċi.

Beppe Fenech Adami spjega li Neville Gafà huwa persuna qrib ħafna tal-Prim Ministru Joseph Muscat, taċ-Chief of Staff Keith Schembri u tal-Ministru Konrad Mizzi. Fuq Facebook, Gafà saħansitra itella’ posts b’tifħir għal Muscat u Keith Schembri, tant li jiddeskrivi lil Keith Schembri bħala “a great boss”.

Il-Viċi-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li dan l-iskandlu juri ċar li l-interessi ta’ Kastilja, fejn inħema dan l-iskandlu, mhuwiex is-sigurtà tal-familji Maltin u Għawdxin, iżda l-korruzzjoni u l-eluf ta’ ewro b’tixħim.

Waqt il-konferenza tal-aħbarijiet, Beppe Fenech Adami qal li fl-2015, jiġifieri meta Neville Gafà kien responsabbli mill-visas mediċi, inħarġu aktar minn 600 visa għall-kuntlarju ta’ 250 visa medika li nħarġu fl-eqqel tal-kriżi tal-Libja fl-2011.

Beppe Fenech Adami qal li dan huwa t-tielet skandlu ta’ korruzzjoni minn individwi viċin ħafna ta’ Muscat u li jpoġġu s-sigurtà ta’ pajjiżna f’riskju. Fakkar fl-iskandlu tal-ħruġ ta’ 7,000 visa lill-Alġerini u l-iskandlu tal-ħruġ ta’ 14,000 permess ta’ residenza lil-Libjani.

Beppe Fenech Adami qal li l-arroganza li ħakmet lill-ogħla uffiċjali tal-Gvern ta’ Muscat hija bla limiti, tant li l-atteġġjament ta’ Neville Gafa wara li ġie żvelat dan l-iskandlu, mhux talli ma kienx wieħed li jixraq lill-uffiċjali pubbliċi, iżda talli kompla għaddej b’attakki sfrenati kontra l-Partit Nazzjonalista kif ukoll b’tifħir lill-Prim Ministru u l-klikka ta’ Kastilja.

Il-konferenza tal-aħbarijiet kienet indirizzata wkoll mill-kandidat għall-elezzjoni ġenerali Amanda Abela li qalet li minflok jieħu l-prekawzzjonijiet kollha meċessarji quddiem l-aħbarijiet inkwetanti minn madwar id-dinja, il-Gvern qed jinvolvi ruħu fi skandli ta’ korruzzjoni fi ħruġ ta’ visas u permessi ta’ residenza lill-Alġerini u Libjani.

Amanda Abela fakkret li anke d-deċiżjoni tal-Gvern li jneħħi l-vilipendju tar-reliġjon minn reat hija deċiżjoni oħra li żżid ir-riskju għas-sigurtà f’pajjiżna. Il-kandidata għall-elezzjoni ġenerali temmet tgħid li l-Gvern ta’ Joseph Muscat mhux biss huwa l-aktar Gvern korrott fl-istorja politika Maltija, iżda issa l-korruzzjoni qed tħalli impatt serju fuq is-sigurtà tal-familji Maltin u Għawdxin.