Il-kandidat tal-Partit Repubblikan Donald Trump issuġġerixxa li l-elezzjoni ta’ Novembru għall-Presidenza Amerikana tista’ tkun ‘immanipulata kontra tiegħu’ b’kaġun ta’ sistemi u manuvri illegali.
Meta tkellem waqt rally f’Colombus, fl-Istat ta’ Ohio, Trump sostna li qed jisma’ dejjem aktar għajdut li hu jista’ jbati minn ‘żvantaġġ mhux xieraq’ fil-konfront tal-kandidat tal-Partit Demokratiku, Hillary Clinton, meta t-taqtigħa għall-White House tinsab riesqa lejn il-fażi finali.
Madankollu Trump ma offra l-ebda provi konkreti dwar dan u, waqt avveniment politiku ieħor f’Pennsylvania, kompla jżid id-doża tal-aggressività fejn sostna, fost oħrajn, li Hillary Clinton ‘għamlet patt max-xitan’.
Donald Trump qal li ried jiftaħ qalbu mas-sostenituri u jtenni l-inkwiet li l-elezzjoni ‘tista’ tkun immanipulata kontra tiegħu’. Hu irrepeta l-allegazzjoni fuq l-istazzjon Fox News u esprima tama ‘li r-Repubblikani huma attenti biex ma jħallux lill-avversarji jisirqulhom ir-rebħa.’
Donald Trump, fil-passat, kien ħareġ b’kummenti simili b’konnessjoni mat-tellieqa bejn Hillary Clinton u l-isfidant tagħha, Bernie Sanders, għan-nomina tal-Partit Demokratiku. In-nomina ntrebħet minn Clinton li se tikkontesta għall-White House f’isem il-partit u Trump, qabel, issuġġerixxa li l-partit kien bagħbas is-sistema biex jiffavorixxi lill-istess Clinton fil-konfront ta’ Sanders.
L-osservaturi qed jgħidu li Trump jista’ qed jipprova jikseb vantaġġ min-nuqqas ta’ fiduċja fost il-votanti fir-rigward tal-istituzzjonijiet tal-hekk imsejjaħ establishment Amerikan. Oħrajn, iżda, jaħsbu li Trump jista’ qed jipprepara diġà l-iskużi f’każ li jitlef l-elezzjoni kruċjali ta’ Novembru.
//= $special ?>