Lokali

It-tneħħija tal-liġi kontra l-vilifikazzjoni tar-reliġjonijiet iddgħajjef is-sigurtà – Jason Azzopardi

Il-PN propona liġi li tassigura l-libertà artistika filwaqt li s-sigurtà tal-pajjiż tkun protetta

L-Oppożizzjoni kienet qed tipproponi liġi li tassigura l-libertà artistika filwaqt li s-sigurtà tal-pajjiż tkun protetta, iżda l-Gvern għażel li jneħħi l-vilipendju mil-liġi, b’detriment għas-sigurtà tal-pajjiż.

Ix-Shadow Minister għall-Ġustizzja Jason Azzopardi qal dan waqt ‘press briefing’ tekniku għall-ġurnalisti li matulha spjega l-implikazzjonijiet tal-emendi li għaddew riċentament mill-Parlament u li raw it-tneħħija tal-liġi li kienet tipproteġi kontra l-vilifikazzjoni tar-reliġjonijiet.

Qabel tneħħiet mil-liġi riċentament, bil-vilipendju ma kienx permess li jsir żebliegħ jew tkasbir tar-reliġjonijiet.
Jason Azzopardi spjega li t-tneħħija tal-vilipendju iddgħajjef is-sigurtà tal-pajjiż f’klima internazzjonali ta’ inkwiet.

“Il-loġika tgħidlek li għandek tneħħi l-porvli ‘l bogħod min-nar” qal Jason Azzopardi, li rrefera għall-każ li seħħ riċentament fejn persuna mhux magħrufa poġġiet biċċiet tal-bacon fil-Koran li hemm Mater Dei.

Bit-tneħħija tal-liġi li tipproteġi kontra l-vilifikazzjoni tar-reliġjonijiet, ħadd ma jista’ jitressaq il-Qorti talli kasbar ir-reliġjon Musulmana.

Jason Azzopardi elenka d-differenza bejn l-artiklu fil-liġi li kien jitkellem dwar il-vilifikazzjoni tar-reliġjonijiet (u li issa tneħħa wara l-emendi fil-kodiċi kriminali) u l-artiklu fil-liġi li jitkellem dwar tixwix bl-iskop li jqajjem vjolenza jew joħloq mibiegħda (Artiklu 82A).

Fl-aħħar jiem, il-Ministru Owen Bonnici iġġustifika t-tneħħija tal-vilipendju billi rrefera għal Artiklu 82A tal-kodiċi kriminali u qal li xorta waħda jista’ jkun hemm min jinstab ħati li xewwex biex ħoloq il-mibiegħda.

Madanakollu, fl-ispjegazzjoni tiegħu lill-ġurnalisti, Jason Azzopardi qal li meta wieħed jistrieħ biss fuq l-Artiklu 82A, ikun ferm iktar diffiċli biex persuna tinstab ħatja, peress li Artiklu 82A jeħtieġ intenzjoni speċifika min-naħa tal-akkużat li joħloq il-mibiegħda.

Ix-Shadow Minister spjega li min-naħa l-oħra, il-liġi kontra l-vilifikazzjoni tar-reliġjonijiet ma kinitx tirrikjedi intenzjoni speċifika, iżda intenzjoni ġenerika.

“Il-liġi tal-vilipendju kienet isservi bħala deterrent u bħala mezz għas-serħan tal-moħħ, il-bonordni u l-paċi pubblika,” saħaq Jason Azzopardi.

Waqt il-‘press briefing’, Jason Azzopardi spjega li l-Gvern kien qed isemmi l-espressjoni artistika bħala raġuni għalfejn ried ineħħi l-vilipendju. Dwar dan, Jason Azzopardi spjega li l-Partit Nazzjonalista kien qed jipproponi li l-liġi tal-vilipendju tibqa’ fis-seħħ filwaqt li tinħoloq eċċezzjoni għall-artisti. B’hekk, tkun protetta l-espressjoni artistika filwaqt li tkun protetta wkoll is-sigurtà tal-pajjiż kontra min ikasbar jew iżeblah ir-reliġjonijiet għal skopijiet mhux ġustifikati.

Ix-Shadow Minister spjega apparti minn hekk, il-Partit Nazzjonalista kien qed jipproponi li jkun hemm protezzjoni mit-tkasbir u ż-żebliegħ għar-reliġjonijiet kollha b’mod indaqs.

Jason Azzopardi ċċara mal-ġurnalisti li l-Oppożizzjoni vvutat kontra t-tneħħija tal-vilipendju fl-istadji bikrin fil-Parlament, iżda kienet kostretta li tivvota favur fit-tielet u l-aħħar stadju, peress li ttieħed vot wieħed fuq numru ta’ suġġetti f’daqqa, fosthom il-kriminalizazzjoni rar-‘revenge porn’.