Ajruplan tal-linja tal-ajru Emirates li kien għadu kif jasal mill-Indja ġġarraf waqt l-inżul fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Dubaj. Rapporti qed jgħidu li ħadd ma weġġa’ fl-inċident, li kien ikkonfermat ukoll mill-awtoritajiet lokali u mil-linja tal-ajru nnifisha.
L-ewwel rapporti qed jgħidu li immedjatament inbeda l-proċess ta’ evakwazzjoni, hekk kif l-awtoritajiet qalu li qed jagħmlu dak kollu possibbli biex tkun salvagwardjata s-saħħa u s-sigurtà ta’ dawk kollha abbord.
L-inċident seħħ għall-ħabta tas-12.45pm ħin lokali (10.45am ħin f’Malta).
Sadanittant fi stqarrija kkonfermaw li l-passiġġieri u l-membri tal-ekwipaġġ kienu evakwati mingħajr periklu, grazzi għal intervent f’waqtu tal-Emirates u tal-Ajruport Internazzjonali ta’ Dubaj.
Minħabba dan l-inċident, l-Ajruport Internazzjonali ta’ Dubaj ingħalaq għal ftit sigħat illum wara nofsinnhar, u numru ta’ titjiriet kienu kkanċellati, jew damu ma’ telqu jew inkella żvijati. L-Ajruport Internazzjonali ta’ Dubaj gradwalment reġa beda l-operat tiegħu llum stess madwar 18:30 ħin lokali ta’ Dubaj
L-ajruplan, Boeing 777-300 b’reġistrazzjoni A6-EMW operat b’magni Rolls-Royce Trent 800, kien qed itir mill-Ajruport Internazzjonali ta’ Trivandrum f’Thiruvananthapuram, l-Indja għal Dubaj. Abord kien hemm 282 passiġġier u 18-il membru tal-ekwipaġġ.
Għal aktar tagħrif, wieħed jista’ jżur is-sit: www.emirates.com jew jikkuntattja l-Emirates Sales Office tal-lokal. In-numri tal-linji tat-telefon jinsabu fuq: https://www.emirates.com/english/help/contact-emirates/
Hemm linji miftuħa tat-telefon apposta għall-membri tal-familjiari:
UAE – 8002111
UK – 00442034508853
US – 1-877 350-2081
Aktar dettalji għadhom qed jaslulna …
(Ritratt: flight-report.com)