Lokali

Filmat: Muscat jinqeda bil-Pulizija biex jaħrab mill-mistoqsijiet

Il-Prim Ministru Joseph Muscat illum inqeda bil-Pulizija biex jaħrab mill-mistoqsijiet tal-ġurnalisti.

NETnews kien infurmat li d-delegazzjoni mmexxija minn Muscat, li marret Singapore biex tassisti għat-tluq tat-tanker li se jkun sorġut fil-Bajja ta’ Marsaxlokk, kellha tasal Malta għall-ħabta tal-9.45am.

Fid-delegazzjoni kien hemm ukoll iċ-Chief of Staff ta’ Muscat, Keith Schembri, il-Ministru Konrad Mizzi u l-Kap tal-Komunikazzjoni tal-Gvern Kurt Farrugia. Għaldaqstant, crew ta’ NETnews mar jistenna barra l-Parkeġġ tal-VIP Lounge tal-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta, qrib l-Għassa tal-Pulizija.

Wara li l-crew tagħna kien ilu għal aktar minn 10 minuti fl-istess post, x’ħin wasal l-ajruplan tal-Prim Ministru ħarġu żewġ Pulizija, li ordnaw lill-crew tagħna biex jitlaq minfejn kien. Propju f’dan il-mument, ħarġet il-karozza tal-Ministru Konrad Mizzi, segwita mill-karozza ta’ Kurt Farrugia.

Minn dak il-mument ma baqgħux ħerġin karozzi u dehru membri oħrajn tal-Korp iħarsu lejn il-crew ta’ NETnews u jitbissmu minn fuq it-tarġa tal-Għassa. Kien hawn li Muscat u ċ-Chief of Staff tiegħu ħarġu minn gate oħra li tagħti direttament għat-triq.

It-tanker li se jkun sorġut b’mod permanenti għal diversi snin u r-riżenja tad-Direttur tal-Financial Intelligence Analysis Unit (FIAU) dwar l-investigazzjoni fl-iskandlu tal-Panama huma żewġ suġġetti li jqajjmu mistoqsijiet li jixirqilhom tweġiba.

Dan hekk kif ir-riżenja ta’ Manfred Galdes mit-tmexxija tal-FIAU ġiet saħansitra rrappurtata wkoll barra mill-pajjiż, fuq il-portal Politico. Madankollu, Muscat għażel li jinqeda bil-Pulizija biex jaħrab milli jagħti t-tweġibiet. F’Singapore, Muscat għażel li jieħu mieghu biss lix-Xandir tal-Istat u lid-DOI.