Kummerċ Lokali

HSBC Malta jirreġistra żieda fil-qligħ u d-dividendi matul l-ewwel nofs tal-2016

Il-Bank HSBC Malta p.l.c. irreġistra qligħ qabel it-taxxa ta’ €41.3 miljun għall-ewwel sitt xhur li ntemmu fit-30 ta’ Ġunju 2016, meta mqabbel mas-€36.3 miljun tal-istess perjodu fl-2015. Dan jirrappreżenta żieda ta’ €5 miljun jew 13.8% fuq l-istess perjodu ta’ qabel.

Dan tħabbar f’konferenza tal-aħbarijiet fil-kwartieri tal-Kamra tal-Kummerċ fil-Belt.

Ir-rapport tar-riżultati jinkludi l-gwadann tal-interessi mill-isħubija tal-bank fil-Visa Europe. Matul l-ewwel nofs tas-sena 2016, Visa Inc. lestiet l-akkwist ta’ Visa Europe. B’riżultat ta’ din it-transazzjoni, il-bank kiseb cash consideration u preference shares. L-ammont totali ta’ dan id-dħul rikonoxxut fir-riżultati rigward din it-transazzjoni kien ta’ €10.8 miljun. Din kienet attività sinjifikanti mhux-rikorrenti u għalhekk id-dħul relatat ma’ din it-transazzjoni kien eskluż mir-riżultati aġġustati bil-għan li tintwera l-prestazzjoni reali ta’ negozju.
Il-prestazzjoni aġġustata kienet konformi mal-previżjonijiet tal-management.

Dividend finali gross

Il-qligħ attribwit lill-azzjonisti ammonta għal €26.9 miljun, li jirriżulta fi dħul għal kull sehem ta’ 7.5 ċenteżmi meta mqabbel mas-6.6 ċenteżmi fl-ewwel nofs tas-sena 2015. Abbażi ta’ dividend payout ratio ogħla ta’ 65% approvat is-sena l-oħra, il-Bord qed jirrakkomanda dividend finali gross ta’ 7.1 ċenteżmi għal kull sehem (4.6 ċenteżmu netti mit-taxxa).

Dan ifisser żieda ta’ 40% meta mqabbel mad-dividendi interim li ngħataw għall-ewwel sitt xhur tas-sena 2015. Id-dividend interim jitħallas fid-9 ta’ Settembru 2016 lil dawk l-azzjonisti rreġistrati fil-ktieb tal-azzjonisti tal-Bank fit-12 ta’ Awwissu 2016.

Andrew Beane, id-Direttur u l-Kap Eżekuttiv ta’ HSBC Malta, ikkummenta dwar il-prestazzjoni tan-negozju u t-twettiq tal-istrateġija.

“Il-prestazzjoni fl-ewwel nofs tas-sena 2016 kienet konformi mal-aspettattivi tagħna. Filwaqt li l-qligħ aġġustat kompla jkun affettwat minn rati negattivi ta’ imgħaxijiet u dħul volatili mill-kumpanija tal-assigurazzjoni, għamilna progress tajjeb fl-implimentazzjoni tal-istrateġija l-ġdida tagħna li l-Bord approva fi Frar. Kisbiet importanti jinkludu l-iffirmar tal-Ftehim Kollettiv mal-unions tagħna u l-ħatra ta’ tim ġdid tat-tmexxija. Minkejja żieda fl-ispejjeż tal-pagi wara negozjati mal-unions u żieda addizzjonali fl-ispejjeż regolatorji, permezz ta’ dixxiplina soda fil-kontroll tal-ispejjeż li wettaqna, irnexxielna nżommu l-ispejjeż aġġustati baxxi fil-livell tal-2015. Dan ifisser prestazzjoni tajba.

Hu żied, “Nittama li l-azzjonisti jilqgħu ż-żieda ta’ 40% fid-dividendi għax din turi li hu ta’ min jinvesti fl-ishma tal-HSBC Malta. Konformi mal-istrateġija tagħna biex inkunu ‘il-Bank tal-Għażla’ għall-klijenti, nibqgħu fiduċjużi fl-abbiltajiet tagħna li nkomplu nżidu l-qligħ tagħna matul iż-żmien mingħajr ma nżidu r-riskji.

“Meta nħarsu ’l quddiem naraw li l-ambjent li fih noperaw se jibqa’ wieħed mimli sfidi, b’mod partikolari bid-deċiżjoni tar-Renju Unit li jitlaq mill-Unjoni Ewropea. Din ħolqot żieda fil-livell tal-inċertezza. L-impatt immedjat kien żvalutazzjoni sinjifikanti tal-Isterlina, għalkemm l-implikazzjonijiet fit-tul, pożittivi jew negattivi, għadhom mhux ċari. L-HSBC jibqa’ fiduċjuż fl-ekonomija ta’ Malta u hu impenjat li jappoġġja lill-klijenti tagħna,” qal Andrew Beane.

Id-Direttur u Kap Eżekuttiv ta’ HSBC Malta kompla, “Finalment nixtieq nesprimi r-ringrazzjament tiegħi lill-kollegi kollha tiegħi fl-HSBC għax-xogħol siewi u d-dedikazzjoni sħiħa tagħhom biex jappoġġjaw lill-klijenti u lill-azzjonisiti tagħna matul l-ewwel nofs ta’ din is-sena.”

It-tliet oqsma ewlenin tan-negozju għamlu qligħ

It-tliet oqsma ewlenin tan-negozju, Retail Banking & Wealth Management (RBWM), Commercial Banking (CMB) u Global Banking & Markets (GBM), ilkoll kemm huma għamlu l-qligħ fl-ewwel sitt xhur tal-2016.

Id-dħul nett minn imgħax żdied għal €63.9 miljun jew b’6.4% meta mqabbel mas-€60 miljun fl-istess perjodu fl-2015. L-ambjent tar-rati tal-imgħax baxxi kompla jħalli l-effett tiegħu fuq il-prestazzjoni tal-bank, il-qligħ mill-assi li jrendu imgħaxijiet kompla jonqos u wassal għal qligħ minn imgħax aktar baxx.
Dan kien ikkumpensat minn żieda pożittiva fil-volum ta’ retail banking u tnaqqis fl-ispejjeż tal-finanzjamenti.

Id-dħul nett mill-miżati niżel bi 12% meta mqabbel mal-istess perjodu fl-2015. Dan hu riżultat ta’ tnaqqis fl-attivitajiet ta’ trusts u stockbroking. Barra minn hekk, il-bank ra tnaqqis fil-miżati relatati mal-karti tal-kreditu, hekk kif regolamenti ġodda daħlu fis-seħħ fi tmiem is-sena 2015 u introduċew tnaqqis fil-miżati tal-iskambju (interchange).

L-HSBC Life Assurance (Malta) Limited irrappurtat qligħ qabel it-taxxa ta’ €2 miljuni, meta mqabbel mas-€6.7 miljuni fl-ewwel nofs tas-sena 2015. Dan ir-riżultat kien affettwat l-aktar minħabba movimenti negattivi fil-yield curve.

Il-qligħ min-negozju (trading profits) naqas b’€1miljun meta mqabbel mal-ewwel nofs tas-sena 2015. Dan jirrefletti tnaqqis fil-volum tan-negozjar u marġni iżgħar fl-iskambju barrani.

Dħul nett operattiv ieħor żdied b’€0.4 miljun meta mqabbel mal-ewwel nofs tas-sena 2015. Dan inkiseb b’riżultat mill-bejgħ ta’ propjetajiet riposseduti mingħand klijenti mhux-produttivi (non-performing customers).

L-ispejjeż operattivi żdiedu

L-ispejjeż operattivi ta’ €51.8 miljun kienu €1.8 miljun, jew 3.7%, ogħla mill-ewwel nofs tas-sena 2015. Dan seħħ l-aktar minħabba r-rikonoxximent ta’ ħlas f’daqqa ta’ sena sħiħa lill-iskema Depositor Compensation Scheme u lis-Single Resolution Fund. Wieħed irid iqis li fl-ewwel sitt xhur tas-sena l-oħra kienu tħallsu biss il-kontribuzzjonijiet tal-ewwel sitt xhur. Eskluż dan il-fatt temporanju, l-ispejjeż operattivi baqgħu l-istess meta mqabbla mas-sena l-oħra.

Minkejja l-fatt li kien hemm żieda ta’ 2% fl-ispejjeż tal-pagi skont il-ftehim kollettiv il-ġdid, l-ispejjeż relatati mal-impjegati bdew jitnaqqsu minħabba l-implimentazzjoni tal-programm tal-irtirar volontarju li tħabbar fl-aħħar tas-sena l-oħra.

Il-proviżjoni netta għall-indebbolimenti (impairments) ta’ €3.9 miljuni kienet ta’ €0.3 miljun ogħla minn dik tal-ewwel nofs tal-2015. Din iż-żieda hi attribwita l-aktar għar-reviżjoni storika fir-rati użati fil-proċess tal-indebboliment kollettiv. Fuq kollox, il-kwalità tal-assi tibqa’ waħda sodisfaċenti b’persentaġġ għoli ta’ sigurtà tanġibbli miżmuma mal-portafoll ġenerali tas-self.

Il-pożizzjoni finanzjarja u l-kapital

It-total tal-assi tal-Grupp żdied għal €7,284 miljun sat-30 ta’ Ġunju 2015. Dan kien xprunat mill-influss kontinwu tad-depożiti tal-klijenti, li kompla jiżdied bi €52 miljun fl-ewwel nofs tas-sena 2016.

Is-self nett u advances to customers kienu ta’ €3,307 miljun, €22 miljun ogħla minn dak irreġistrat fil-31 ta’ Diċembru 2015. Dan it-tkabbir kien primarjament irreġistrat fil-bilanċ tal-ipoteki minħabba żieda fid-domanda tal-klijenti li qed jixtru l-ewwel dar tagħhom.

Il-bank kompla jesperjenza livell ogħla ta’ pagamenti qabel iż-żmien minħabba l-ambjent persistenti ta’ rati baxxi ta’ imgħax.

Il-portfolju tal-investimenti available-for-sale tal-bank hu magħmul minn highly-rated paper u għadu wieħed konservattiv.

Il-likwidità tal-bank baqgħet bejn wieħed u ieħor l-istess b’advances-to-deposits ratio konservattiv ta’ 66%.

Il-bank kompla jsaħħaħ il-common equity tier 1 (CET1) tiegħu li telgħet għal 12.5% minn 12.3% fil-31 ta’ Diċembru 2015. Il-proporzjon kapitali tal-CET1 kompla jkun ogħla mil-livell meħtieġ mir-regolamenti regolatorji. It-total capital ratio kien ta’ 13.5% meta mqabbel mal-14.2% fil-31 ta’ Diċembru 2015. Dan kien riżultat ta’ amortizzazzjoni regolatorja ta’ dejn issubordinat li jimmatura fis-sentejn li ġejjin.