Minkejja d-diversi offerti biex iż-żewġ naħat jaħdmu flimkien dwar diversi setturi ħalli l-Presidenza tal-Unjoni Ewropea tkun suċċess kemm jista’ jkun, il-Gvern qed jagħżel li ma jikkollaborax.
Hekk qal il-Kap tad-Delegazzjoni tal-Partit Nazzjonalista fil-Parlament Ewropew David Casa fi stqarrija, fejn ikkundanna l-mod dilettantesk kif il-Gvern qed jipprepara għall-Presidenza. Hu sostna l-appell li biex il-Presidenza tkun suċċess, hi vitali l-koperazzjoni wkoll tal-Membri Parlamentari Ewropej taż-żewġ partiti.
David Casa qal li minkejja l-offerti tal-Partit Nazzjonalista biex jassisti lill-Gvern f’setturi bħall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali, din il-kollaborazzjoni s’issa għadha ma teżistix.
Casa nnota kif inviti mibgħuta f’isem il-Ministru Helena Dalli saħansitra qed jintbagħtu direttament lil MEPs tal-Partit Popolari Ewropew li jiffurmaw parti mill-Kumitat Parlamentari Ewropew għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali mingħajr ma jkun infurmat hu. Dan minkejja li l-Kumitat Parlamentari hu mmexxi minnu stess.
Il-Kap tad-Delegazzjoni Nazzjonalista fil-Parlament Ewropew qal li dan mhuwiex l-aħjar mod biex il-Gvern jilħaq il-miri ta’ kollaborazzjoni fis-settur. Kien għalhekk li sostna l-appell tiegħu ħalli ħidma flimkien twassal għal suċċess fil-Presidenza Maltija tal-Unjoni Ewropea.
Temm l-istqarrija billi sostna wkoll l-appoġġ għal kwalunkwe inizjattivi li l-Gvern Malti jista’ jieħu fis-setturi li hu responsabbli minnhom fil-Parlament Ewropew.
//= $special ?>