Lokali

Il-Maġġur Patrick Bonnici mfaħħar għall-att tiegħu biex iferraq ‘ġlieda’

Il-Maġġur Patrick Bonnici, li ilu għal snin twal stazzjonat il-Belt Valletta, qed ikun imfaħħar għall-azzjoni mmedjata tiegħu biex iferraq dik li kienet maħsuba li hi ġlieda bejn żewġ żgħażagħ.

Fil-verità rriżulta li l-ġlieda ma kienet ġlieda xejn, iżda esperiment minn Willingness.com.mt, biż-żgħażagħ ma jkunu xejn ħlief żewġ atturi.

Minħabba li ħadd ħlief l-atturi u crew li kien hemm magħhom ma kienu jafu b’dan, malli nqalgħet kommossjoni, il-Maġġur Bonnici li nzerta fil-post kien pront ġera lejn iż-żewġ żgħażagħ biex iferraqhom.

Fi kliem Willingness stess, “l-uffiċjal tal-Pulizija ntervjena biex jipproteġi lil wieħed mill-atturi li kienu fil-periklu.” Iżda jingħad ukoll li l-atturi huma siguri, hekk kif il-maġġur intervjena bl-iktar mod professjonali.

Ir-ritratt li ttella’ onlajn immedjatament wassal għal sensiela ta’ kummenti pożittivi dwar il-ħidma tal-Maġġur fil-Korp tal-Pulizija, u fost l-oħrajn kien deskritt bħala “uffiċjal eżemplari u maħbub mill-Beltin kollha.”