Lokali

Il-Maġistrat Joanne Vella Cuschieri qed tikser il-Kodiċi ta’ Etika tal-Ġudikatura

Il-Maġistrat Joanne Vella Cuschieri – maħtura Maġistrat mill-Ministru tal-Ġustizzja Owen Bonnici fis-sena 2014 – qed tikser il-Kodiċi ta’ Etika tal-Ġudikatura u dan peress li għadha qed tinvolvi ruħha f’attivitajiet kummerċjali għaliex isservi bħala Company Secretary tal-kumpanija Emaco International Limited, li l-uffiċini tagħha jinsabu fil-Belt Valletta.

Din l-aħbar ġiet żvelata minn The Times of Malta, li qalet ukoll li anke l-Maġistrat Aaron Bugeja li nħatar Maġistrat tliet xhur wara li l-Partit Laburista daħal fil-Gvern, qed jikser il-Kodiċi tal-Etika tal-Ġudikatura għaliex hu l-Company Secretary tal-kumpanija S&J (Euroasia Link) Limited.

Il-Maġistrat Joanne Vella Cuschieri – li kkontestat l-aħħar elezzjoni ġenerali mal-Partit Laburista – bħalissa tinsab f’nofs kontroversja hekk kif is-Sindku tar-Rabat Għawdex Samuel Azzopardi fetaħ kawża kostituzzjonali biex il-każ ta’ libell li għandu kontra l-Ministru Anton Refalo ma jinstemax quddiemha.

Qabel laħqet Maġistrat, Joanne Vella Cuschieri kienet tifforma parti mid-ditta legali MBVC li s-sidien tagħha kienu proprju Joanne Vella Cuschieri u Aaron Mifsud Bonnici. Wara li Joanne Vella Cuschieri laħqet Maġistrat, Aaron Mifsud Bonnici fetaħ id-ditta legali tiegħu nnifsu Mifsud Bonnici Advocates.

Aaron Mifsud Bonnici wkoll jinsab f’nofs kontroversja wara li ġie żvelat li d-ditta legali ta’ Mifsud Bonnici – li dan il-Gvern ħatru, fost l-oħrajn, bħala Board Secretary tal-ARMS – ingħatat direct order ta’ €60,000 mill-istess Korporazzjoni tad-dawl u l-ilma. Qabel ingħata dan id-direct order, ma nħarġet ebda tender.

Fl-aħħar siegħat, Aaron Mifsud Bonnici kien qiegħed mal-Prim Ministru, Keith Schembri u Konrad Mizzi s-Singapore biex jaraw it-tanker tal-gass li se jitpoġġa fil-bajja ta’ Marsaxlokk. Mifsud Bonnici huwa wkoll konsulent ta’ Konrad Mizzi.