Il-Liġi dwar il-Promozzjoni ta’ Stili ta’ Ħajja Sana u Kura ta’ Mard li ma Jitteħidx – li ġiet approvata mill-Parlament aktar kmieni din is-sena wara li tfasslet u tressqet mill-Partit Nazzjonalista fl-Oppożizzjoni – għandha tibda titħaddem mill-aktar fis possibbli.
Dan qalu d-Deputat Nazzjonalista Robert Cutajar – li kien preżenta l-abbozz ta’ din il-liġi fil-Parlament f’Ġunju 2014 – waqt li kien qed jindirizza l-Kunsill Konsultattiv responsabbli minn din il-liġi li hu mmexxi minn Dr Charmaine Gauci. Dan il-Kunsill huwa magħmul minn 8 persuni nnominati minn Ministeri differenti. Ir-rwol ta’ dan il-Kunsill interministerjali hu li jagħti pariri lill-Ministru tas-Saħħa dwar miżuri li huma intiżi biex jipromwovu stili ta’ ħajja sana b’aċċenn ukoll biex tiġi miġġielda l-problema tal-obeżità f’pajjiżna.
Fid-diskors tiegħu, Robert Cutajar ta spjegazzjoni dwar il-ħsieb u l-kunċett wara din il-liġi u appella lill-membri tal-Kunsill biex, b’mod immedjat, jibdew jaħdmu fuq avviżi legali li għandhom ikunu inkorporati ma’ din l-istess liġi. Dwar dawn l-avviżi legali diġà hemm qbil bejn il-Gvern u l-Oppożizzjoni u huma importanti biex din il-liġi tibda tħalli l-frott mixtieq fost l-etajiet kollha tas-soċjetà Maltija.
Robert Cutajar appella biex kemm jista’ jkun malajr, jittieħdu l-miżuri li hemm bżonn fis-setturi tal-edukazzjoni, tal-Kunsilli Lokali kif ukoll fid-djar tal-anzjani u ċ-ċentri ta’ matul il-jum. Hu sostna li l-Partit Nazzjonalista, fil-ġimgħat u x-xhur li ġejjin, se jkompli jipromwovi stili ta’ ħajja sana u anke jispjega din il-liġi b’numru ta’ inizjattivi fuq skala nazzjonali.
//= $special ?>