Il-forzi militari alleati mal-Gvern ta’ Għaqda Nazzjonali Libjan, qed jirnexxilhom javvanzaw aktar ġewwa Sirte. Dan bis-saħħa tal-attakki mill-ajru Amerikani li bdew nhar it-Tnejn fuq talba tal-Prim Ministru Fayez al-Sarraj.
L-attakki Amerikani qed isiru kemm permezz tad-drones kif ukoll b’ajruplani abbord il-USS Wasp li bħalissa qed tbaħħar barra mal-kosta Libjana u ġġorr ajruplani tat-tip AV-8B Harrier .
Il-forzi alleati mal-Gvern ta’ al-Sarraj ilhom minn Mejju jippruvaw jieħdu l-kontroll ta’ Sirte, imma fl-aħħar ġimgħat sabu reżistenza qawwija mill-ġellieda tal-ISIS.
Jidher li l-ġlied f’Sirte issa hu kkonċentrat madwar iz-zona ta’ Ouagadougou u l-università tal-belt.
Kelliem għall-forzi tal-Gvern qal li huma bdew isibu diffikultà peress li issa l-ġellieda tal-ISIS kienu qed jistkennu f’zoni residenzjali li kienu diffiċli li jkunu attakkati.
Bejn it-Tnejn u t-Tlieta, ajruplani militari Amerikani wettqu tal-anqas seba’ attakki mill-ajru kontra qagħdiet tal-ISIS f’Sirte.
It-Tlieta, il-Presdient Barack Obama iddefenda l-attakki mill-ajru u qal li dawn kienu qed isiru għaliex kien fl-interess nazzjonali Amerikan.
Il-Gvern Taljan qal li s’issa ma kinux qed jintużaw bażijiet tal-ajru Taljani għal dawn l-attakki. Paolo Gentiloni, il-Ministru tal-Affarijiet Barranin Taljan, qal li l-Gvern kien lesta jisma’ kwalunkwe talba Amerikana biex jintużaw bażijiet tal-ajru f’Sqallija.
Jirnexxilhom javvanzaw aktar ġewwa Sirte
