Xjentisti qed jittamaw li fil-futur qarib jipproduċu vaċċin li jista’ jwassal biex iċ-ċelloli immuni tal-bniedem jiġġieldu kull tip ta’ marda li tista’ taħkem lill-bniedem, inkluż dawk fatali bħall-kanċer.
Dan joħroġ minn riċerka ppubblikata fil-ġurnal Nature, li tgħid li t-terapija tista’ sseħħ wara li xjentisti rnexxielhom jinjettaw partiċelli fil-kodiċi ġenetika tal-bniedem li kapaċi jaslu saċ-ċelloli immuni tal-bniedem u jemendawhom biex jagħrfu kanċer speċifiku.
Jekk dan jirnexxi, din tkun l-ewwel darba li x-xjentisti jkunu sabu mod kif iċ-ċelloli immuni jagħrfu l-kanċer f’ċelloli. Dan wara li diġa kien ippruvat li hu possibbli li wieħed jemenda ċ-ċelloli immuni, f’test li madankollu kien sar barra l-ġisem uman.
Biex it-test ikun ippruvat bħala suċċess, it-tobba jridu joħolqu profil penetiku tat-tumur biex jipproduċu vaċċin magħmul apposta li mhux biss jiġġieled il-marda, iżda wkoll jipprevjeni milli l-kanċer jirritorna.
Testijiet li saru fuq il-ġrieden wasslu biex il-vaċċin ħoloq rispons immunitarju qawwi ħafna, filwaqt li testijiet li saru fuq tliet pazjenti li jsofru mill-kanċer tal-ġilda wrew li l-ġisem tal-bniedem jittollera dan it-trattament.
Fi kliem il-Professur Ugur Sahin, direttur maniġerjali tat-Translational Oncology fiċ-Ċentru Mediku tal-Università Johannes Gutenberg ta’ Mainz, fil-Ġermanja, “il-vaċċin hu wieħed li jaħdem b’mod mgħaġġel u ma jiswiex ħafna flus biex jiġi prodott.”
Madankollu, qabel wieħed jista’ jgħid fiż-żgur li dan il-vaċċin ifisser kura għall-kanċer, iridu jsiru testijiet fuq numru ikbar ta’ pazjenti, għaliex ittestjar fuq tliet pazjenti biss mhux biżżejjed. Għad irid isir ukoll ittestjar li jivverifika li l-vaċċin jaħdem fuq kull tip ta’ kanċer.
//= $special ?>