Kurżitajiet

Minn hekk, ġiet hekk…iżda l-Maltin ma jemmnux li s-sigriet tad-dieta tagħha kien il-kafe’

Din il-ġimgħa, l-Irlandiża Lorraine O’Loughlin iddominat il-ġurnali kollha tar-Renju Unit bir-ritratti tat-trasformazzjoni kbira li kellha fl-aħħar sena meta tilfet 48 kilogramma. Hi qed tgħid illi s-sigriet kien li eliminat il-kafe’ li kienet tieħu – 15-il kikra kuljum, bi 3 kuċċarini zokkor!

Din l-istorja fis-sit NetNews.com.mt ġibdet interess kbir matul il-ġurnata minn mindu ippublikajniha lbieraħ. Ħafna mill-qarrejja tagħna mhumiex jemmnu li dan biss kien is-sigriet ta’ Lorraine.

F’wieħed mill-kummenti li ħallew il-qarrejja tagħna fuq Facebook jgħid illi “ma jistax ikun li tonqos dak l-ammont kbir ta’ kilos billi taqta’ biss il-kafe! U mingħajr eżerċizju?” Persuna oħra innutat illi Lorraine ma jidhirx li għandha “laħam imdendel” wara din il-bidla radikali li kellha fil-ġisem tagħha, u tistaqsi kif inhu possibbli li mara tidher hekk wara trasformazzjoni daqstant kbira.

Ħafna nies jemmnu li s-soluzzjoni ma kinitx il-kafe’ fih innifsu, iżda l-fatt li Lorraine naqqset għal kollox l-ammont kbir ta’ zokkor li kienet tieħu mal-kafe’.

Għalkemm eluf kienu dawk il-Maltin illi qraw din l-istorja tal-mara Irlandiża, ħafna jemmnu illi fl-aħħar mill-aħħar trid tkun ir-rieda personali tiegħek biex twasslek biex tilħaq il-mira li tkun tixtieq fejn jidħol il-piż. Ovjament, fis-Sajf ikun forsi aktar diffiċli minħabba il-BBQ’s illi norganizzaw, ix-xorb sa tard bil-lejl u l-ġelati ħdejn ix-xtajtiet.