Negozjant li kien imfittex mill-awtoritajiet Maltin fuq frodi ta’ eluf ta’ ewro illum tressaq quddiem il-Qorti wara li kien ilu maħrub minn Malta sa mill-2009.
Neville Spiteri tressaq quddiem il-Maġistrat Joe Mifsud akkużat b’miżapproprazzjoni ta’ €234,000 għad-danni tal-koppja Elaine u Adrian Vella u €224,000 għad-danni ta’ Anna u Thomas Cortis u Peter Agius.
Spiteri kien investigat lura fl-2008 u meta ssejjaħ mill-pulizija għall-interrogazzjoni fl-2009, hu nforma li l-pulizija li kellu jsiefer lejn Dubai u ppospona l-appuntament għal ġimgħa wara. Iżda hu qatt ma ġie lura minn Dubai u Spiteri kien imfittex mill-pulizija minn dakinhar.
F’dawn l-aħħar ġimgħat, il-Pulizija kienu nfurmati li Neville Spiteri seta’ kien fl-Italja. L-Awtoritajiet Maltin ħarġu mandat Ewropew tal-Arrest iżda l-pulizija Taljana baqgħet ma sabitux. Eventwalment, Spiteri nstab fil-Ġermanja fejn kien arrestat u estradit lejn Malta.
Neville Spiteri wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjuba kontrih u l-Qorti ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest.
Il-Prosekuzzjoni qed titmexxa mill-ispetturi Yvonne Farrugia u Jonathan Ferris. L-Avukati Michael Lucio u Noella Sciriha, Franco Debono u Amadeus Cachia qed jidhru għall-akkużat.
//= $special ?>