BLOGS

Realtà ta’ 55%

Jekk iż-żewġ partiti politiċi għandhom element ta’ diversità fl-ideoloġiji tagħhom, żgur nistgħu ngħidu li lkoll għandhom quddiemhom l-intenzjoni li jinvestu fl-edukazzjoni bħala l-għodda bażika li biha wliedna jistgħu jimxu ’l quddiem.
Għalkemm bla dubju hemm, u matul is-snin dan nistgħu nikkonfermawh bil-fatti, distinzjoni bejniethom anki f’dan ir-rigward, id-diskussjoni ta’ riforma fis-settur edukattiv żammet pass konsistenti matul dawn l-aħħar snin f’tentattiv li nkomplu ntejbu l-ħafna tajjeb li għandna, imma wkoll nilqgħu sfidi li donnhom jippersisti minn sena għal oħra, u li aktar iva milli le, jegħlbuna.

Falliment ta’ 55%
Sfortunatament ir-riżultati tal-istudenti Maltin fi studji komparattivi bħal TIMSS, PIRLS u PISA li jassessjaw il-ħiliet bażiċi tal-qari u l-kitba, il-matematika u x-xjenza fuq bażi internazzjonali qed iwasslu messaġġ kontinwu li pajjiżna qiegħed dejjem jaqa’ lura fil-klassifikazzjoni meta kkomparat fl-isfera globali. Għaldaqstant, id-dibattitu jtenni lilu nnifsu kontinwament waqt li daqstant ieħor l-ideat u s-suġġerimenti għall-modi edukattivi f’pajjiżna.
Minkejja li bħalissa d-dibattitu donnu ħa n-nar mir-riżultati tal-aħħar eżamijiet tas-SEC li minnhom jirriżulta li 55% mhumiex jilħqu l-mira ewlenija f’dawk is-suġġetti rikjesti għat-tkomplija ta’ edukazzjoni ogħla, irridu nkunu lesti nilqgħu kull dibattitu validu li jitnissel minn dan kollu.

Kunsiderazzjonijiet għad-Diskussjoni
Id-diskussjoni ma tistax tistrieħ biss fuq is-sillabi, għalkemm bla dubju hawnhekk għandna diversi difetti, imma trid tespandi u tanalizza l-qofol tal-problema fil-prinċipju fil-klassijiet kollha – skejjel tal-Istat, Knisja u Indipendenti – li fl-opinjoni tiegħi huma ħafna li imma jistgħu jkunu indirizzati jekk kemm-il darba nqisu dawn il-kunsiderazzjonijiet qabelxejn:
● Preżentament 95% tan-nefqa kapitali fl-edukazzjoni tmur għas-salarji b’konsegwenza li ftit huma l-fondi allokati għal programmi ta’ tisħiħ u taħriġ kontinwu. Għaldaqstant, il-gvernijiet għandhom jinvestu l-ewwel u qabel kollox fit-taħriġ u l-formulazzjoni tal-għalliema li kontinwament jippreparawhom għall-isfidi kontinwi, li matul dawn l-aħħar snin, kellhom fost oħrajn il-‘mixed-ability classrooms’, il-‘co-ed schooling’ u numru konsiderevoli ta’ studenti mhux Maltin fil-klassijiet tagħhom li wħud minnhom anki kellhom diffikultajiet immensi fl-Ingliż u/jew il-Malti bħala l-linji ta’ komunikazzjoni. Għandi dubji serji, u dan jistgħu jixhduh il-maġġoranza tal-edukaturi, kemm is-sessjonijiet ta’ ‘PD’ u ‘SDP’ qed iħallu l-impatt intenzjonat. Dawn iridu jkunu evalwati u mfassla mill-ġdid.
● Il-kundizzjonijiet finanzjarji tal-għalliema jridu jitjiebu ferm biex ikun garantit li dawk li jagħżlu l-professjoni edukattiva, ikollhom kull intenzjoni pożittiva wara l-għażla tagħhom. Statistika fil-Fillandja turi kif il-professjoni minnha nnifisha hi turija ta’ rispett u tattira lill-aħjar studenti universitarji. Fil-fatt, 10% biss tal-Fillandiżi mill-applikanti kollha jingħataw il-possibbiltà li jkomplu fl-istudji tagħhom. Hu għalhekk, li l-għalliema għandhom l-ogħla livell possibbli. Għalhekk, inissel dubji kbar kif fil-maġġoranza tal-Maltin li jersqu l-Università ta’ Malta biex isegwu l-korsijiet li jwasslu għal għalliema jirnexxielhom jiksbu l-grad bit-tajjeb u bil-ħażin tal-argument innifsu.
● Irridu nkunu responsabbli sa minn fuq nett u ninvestu wkoll fil-letturi tal-Università li jħejju lill-għalliema tagħna waqt li nassiguraw bla riservi li jilħqu l-istandards prattiċi – mhux dawk akkademiċi biss – tar-realtajiet tal-lum. Ngħidha b’responsabbiltà, huma diversi li fi żmienhom bħala għalliema kienu medjokri għall-aħħar tant li l-pożizzjoni tagħhom illum hija biss ‘a way out of hell’ għax il-klassi tathom bil-ħarta. Dawn qatt jistgħu jippreparaw lill-għalliema ta’ għada? Wasal iż-żmien li għalliema ta’ ċertu rispett ikunu mistiedna jaqsmu l-esperjenza tagħhom mal-għalliema futuri imqar għal semestru wieħed biss?
● Irridu nassiguraw li l-SMTs (school management teams) ikunu ta’ livell standardizzat li jagħmel tajjeb għan-nuqqasijiet interni fl-iskejjel. Hu evidenti li xi membri ta’ SMT ma għandhomx il-livell mistenni.
● Naqtgħu linja definita bejn id-deċiżjonijiet edukattivi u dawk materni.
● L-involviment tal-istudenti fit-tifsil tal-programmi ta’ tagħlim u sillabi jrid ikun aktar inkorraġġanti. Minkejja l-importanza assoluta li għandhom jingħataw professjonisti li jeċċellaw fis-suġġetti diversi, irridu nsostnu li finalment, is-sillabi u l-kurrikuli huma l-għodda għall-istudenti biex javvanzaw ’il quddiem, u għalhekk irridu nqisu l-opinjoni tagħhom fid-diskussjoni u l-pragmatika tal-iżvilupp.
● Nifirxu aktar l-opportunità tal-‘LSAs’ (learning support assistants) u nqisu li dawk ingaġġati huma verament f’pożizzjoni li jilħqu mal-iżvilupp akkademiku u soċjali tal-individwi bi ħtiġiet differenti fil-klassijiet imma wkoll, nifirxu pjan ta’ żvilupp kontinwu li jitlaq minn korsijiet addattati u jekk jista’ jkun speċifiċi qabel ikunu ingaġġati fl-iskejjel.

Ir-rispett u l-professjonalità
Kull riforma edukattiva għandu jkollha għan aħħari imma qabel xejn, irid ikollha kunsens realistiku bejn l-istakeholders kollha. Insejjaħ għal aktar konsultazzjoni u nittama li finalment nirrealizzaw li l-edukazzjoni mhix tal-politiċi imma hi, verament tagħna lkoll. Għalhekk, irridu nsibu nies li huma verament attrezzati biex imexxu ’l quddiem l-edukazzjoni f’pajjiżna.
Qabelxejn iżda, irridu nniedu kampanja serja ta’ għarfien dwar ix-xogħol tal-edukaturi tagħna li fil-maġġoranza jagħtu l-massimu tagħhom għall-kawża edukattiva. Ħasra li f’pajjiżna għad għandna ħafna nies b’mentalità injoranta li għadha tassoċja biss l-għalliema mal-vaganzi tas-sajf.
Għalhekk, għandna bżonn nitgħallmu nirrispettaw lill-edukaturi u nelevawhom fl-iskala li jixirqilhom. Dan għandu jkun l-ewwel pass biex nibdew nirbħu fuq il-falliment ta’ 55%.