Ir-riżenja tad-Direttur tal-Financial Intelligence Analysis Unit Manfred Galdes hija waħda serja u li tqajjem aktar dubji dwar l-indipendenza tal-istituzzjonijiet ta’ pajjiżna, f’dan il-każ, l-aġenzija li tinvestiga każi ta’ korruzzjoni u ħasil ta’ flus.
Dan qalu l-Viċi Kap għall-Ħidma fil-Parlament u Shadow Minister tal-Finanzi Mario de Marco waqt konferenza tal-aħbarijiet l-għada li tħabbret ir-riżenja ta’ Manfred Galdes mill-aġenzija li kienet qed tinvestiga liċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri u l-Ministru Konrad Mizzi wara li nqabdu li fetħu kumpaniji sigrieti fil-Panama biex fihom jitfgħu s-senserija. Mario de Marco fakkar li fil-5 ta’ April li għadda, fil-Parlament, il-Ministru Edward Scicluna kien żvela li l-FIAU kienet qed tinvestiga lil Keith Schembri u lil Konrad Mizzi, iżda minn dakinhar sal-lum ma sar magħrux fejn.
Mario de Marco qal li fid-dawl ta’ din ir-riżenja, li nżammet sigrieta mill-Gvern, l-poplu Malti u Għawdxi qed jagħmel numru ta’ mistoqsijiet li għandu dritt għal risposta għalihom mill-aktar fis possibli. Fost dawn il-mistoqsijiet hemm:
Il-Gvern jikkonferma li l-FIAU temmet l-investigazzjoni tagħha dwar Keith Schembri u Konrad Mizzi?
Ir-rapport li sar mill-FIAU lil min ingħadda u meta?
X’jgħidu l-konklużjonijiet ta’ dan ir-rapport u x’pariri jagħti lill-Korp tal-Pulizija dwar Keith Schembri u Konrad Mizzi?
Ir-riżenja ta’ Michael Cassar minn Kummissarju tal-Pulizija kienet relatata mar-rapport tal-FIAU?
Il-Kummissarju l-ġdid Lawrence Cutajar għandu kopja ta’ dan ir-rapport?
Joseph Muscat, Keith Schembri u Konrad Mizzi għandhom kopja ta’ dan ir-rapport?
Mario de Marco fakkar li Muscat kien wiegħed li se jippubblika l-audits li saru ta’ Keith Schembri u Konrad Mizzi, xi ħaġa li ħames xhur wara li ġie żvelat l-iskandlu tal-Panama, għada ma saritx.
Minn naħa tagħha, l-Kelliema għas-Servizzi Finanzjarji, l-IT u l-Gaming Kristy Debono qalet li r-riżenja ta’ Manfred Galdes hija daqqa ta’ ħarta oħra għar-reputazzjoni tas-servizzi finanzjarji f’pajjiżna. Hi sostniet li Manfred Galdes kien rispettat minn kulħadd, tant li nies fis-settur li tkellmu mal-ġurnali qalu li kien bniedem serju u li ma kienx iħalli lil min jgħidlu x’jagħmel.
Kristy Debono qalet li hu fl-interess tal-poplu Malti u Għawdxi li l-passi li r-rapport tal-investigazzjoni li saret dwar l-id il-leminija u l-id ix-xellugija tal-Prim Ministru jirrakomanda, jkunu implimentati. Hu b’dan il-mod li l-Partit Nazzjonalista jirrispetta b’mod totali l-indipendenza tal-FIAU, kuntrarjament għal Joseph Muscat, li wara li ħataf kważi l-istituzzjonijiet kollha ta’ pajjiżna, issa jrid jaħtaf u jiddetta x’tagħmel anke istituzzjoni indipendenti li tinvestiga każijiet ta’ korruzzjoni u ħasil ta’ flus.
//= $special ?>