Il-Malta Insurance Association appellat għal infurzar aħjar fit-toroq Maltin fid-dawl ta’ dik li sejħet bħala sitwazzjoni allarmanti fit-toroq Maltin, fejn s’issa matul din is-sena kellna 11-il fatalità u żieda ta’ 29% fl-ammont ta’ korrimenti f’inċidenti tat-traffiku.
Fid-dawl ta’ dan, waqt konferenza tal-aħbarijiet, membri tal-MIA nnutaw li l-Pulizija għandhom bżonn ir-riżorsi u l-għodda neċessarji sabiex tkun effettiva fl-infurzar tal-liġi u għalhekk appellaw biex isiru l-bidliet kollha neċessarji fil-liġi sabiex jingħataw il-poter u s-saħħa li jwettqu infurzar effettiv.
Fil-konferenza tal-aħbarijiet ingħad li spiss nisimgħu b’każi fejn ix-xorb alkoħoliku seta’ kien il-kawża ta’ inċidenti, iżda peress li t-test tal-preżenza tal-alkoħol ma sarx jew ma sarx f’waqtu u għalhekk irriżulta f’nuqqas ta’ provi li setgħu għenu lill-Pulizija biex jipproċedu.
Fil-waqt li fissru din il-problema bħala waħda nazzjonali, l-uffiċjali tal-MIA semmew ukoll il-kwalita’ tat-tiswijiet fuq il-vetturi, li spiss isiru bi prattiċi antikwati jew żbaljati, b’nuqqas ta’ għodda speċjalizzata li huma kollha fatturi li jistgħu jikkompromettu s-sistemi tas-sigurtà tal-vetturi, dan minbarra l-kwalità tat-toroq, fejn ħafna drabi ħofor jew trab fit-triq jikkawża inċidenti.
Semmew każi ta’ inċidenti, fosthom vetturi li nqalbu fi tmiem il-ġimgħa u kmieni filgħodu, fejn għaliex ħadd ma weġġa’ ma jsirux testijiet tal-alkoħol, bħalma ma jsirux ukoll testijiet każwali. Għalhekk appellaw għal bidla fil-liġi biex il-Pulizija jingħataw iżjed poteri.
Matul il-konferenza tal-aħbarijiet ġiet innutata wkoll iż-żieda fl-inċidenti bil-muturi, liema vetturi żdiedu għaliex saret iżjed faċli li wieħed jakkwista liċenzja ta’ mutur. Madankollu l-uffiċjali tal-MIA talbu għal kampanja ta’ għarfien, għaliex anke s-sewwieqa tal-karozzi mhux imdorrija għaż-żieda drastika tal-inċidenti.
//= $special ?>